Iżżewġu fuq Facebook minħabba l-coronavirus

Koppja fl-Ingilterra li t-tieġ tal-ħolm tagħhom ġie f’dubju mir-restrizzjonijiet tal-koronavirus iżżewġu aktar kmieni dan ix-xahar u ċ-ċerimonja  għamluha quddiem 100 mistieden fuq Facebook.

Kirsten u Richard Groom qattgħu sena u nofs  jippjanaw it-tieġ li kellu jsir ix-xahar li ġej. Imma minflok huma żżewġu fil-knisja ta’ San Mattew, f’Walsall, għax ħassew li d-data oriġinali tagħhom ma setgħetx tintlaħaq.

Kirstin Groom qalet li Richard kien ra li s-sitwazzjoni fir-Renju Unit kienet qed tiggrava minħabba l-imxija tal-marda u ġietu l-idea li jressaq it-tieġ aktar ’il quddiem.Kirstin inzertat li hija l-amministratur tal-knisja.

“Meta l-Prim Ministru beda r-restrizzjonijiet il-ġimgħa li għaddiet kien hemm xi ħadd li ssuġġerixxa li aħna ma jistennewx sa April imma jiżżewġu qabel,” kompliet tgħid. “Konna ilna sena u nofs nippjanaw kollox biex ikollna tieġ perfett.”

Peress li t-tieġ ressquh b’xahar ’il quddiem il-libsa tat-tieġ tal-mara ma kinitx għadha lesta. Għalhekk ħasbet għal oħra u ordnaw minnufih il-fjuri u bbukkjaw fotografu, kollox bil-għaġla.

Għat-tieġ kienu preżenti biss dawk li jgħixu fl-appartamenti tal-koppja waqt li ħbiebhom u l-qraba raw iċ-ċerimonja murija live fuq Facebook.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn