Iżrael u l-Palestina: Malta favur is-soluzzjoni ta’ żewġ stati

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta favur soluzzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ Stati – tal-Iżrael u l-Palestina.
Il-Ministru qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu f’Tel Aviv, l-Iżrael.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li waqt il-laqgħa ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali, kif ukoll is-sitwazzjoni fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.
Fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, Abela qal li l-istatus futur ta’ Ġerusalemm għandhom jaqblu fuqu bejniethom l-Iżrael u l-Palestina permezz ta’ negozjati sinifikattivi ta’ paċi bejniethom.
Il-Ministru Abela qal lill-Prim Ministru Netanyahu li “Malta hija kuntenta bl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Iżrael f’dawn l-aħħar snin.”
Fl-Iżrael, il-Ministru Abela kellu wkoll diskussjonijiet mad-Deputat Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Michael Oren, mal-ex Kap tal-Oppożizzjoni u ex-Ministru tal-Affarijiet Barranin, illum Kap tal-Partit HaTnuah, Tzipi Livni, u mar-rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess tal-Lvant Nofsani, Fernando Gentilini.
Waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu fl-Iżrael, il-Ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Iżrael, Cecilia Attard-Pirotta.
Ritratti: MFTP