Iżrael jissospendi għal ftit pjan maqbul mal-UN għall-immigranti fil-pajjiż

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, issospenda għal ftit taż-żmien ftehim li ntlaħaq ilbieraħ stess mal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) sabiex jiġu megħjuna eluf ta’ immigranti f’Iżrael.
Il-ftehim bejn Iżrael u l-UNHCR kien għadu kif intlaħaq ftit tas-sigħat qabel, u fost l-oħrajn kien se jassigura li dawn l-eluf ta’ immigranti jibqgħu jgħixu f’Iżrael, filwaqt li mas-16,250 oħra jintbagħtu f’pajjiżi żviluppati tal-Punent, grupp grupp f’medda ta’ 5 snin.
Netanyahu qal li qabel ma jimplimenta dan il-pjan irid jitkellem ma’ dawk f’Iżrael li, fi kliemu, se jiġu affettwati minn dal-pjan, ewlenin fosthom ir-residenti ta’ Tel Aviv, fejn se tibqa’ l-parti l-kbira ta’ immigranti irregolari.
Dawk li se jibqgħu f’Iżrael, jew jibqgħu f’Tel Aviv jew fi rħula agrikoli.
L-istess pjan tal-UNHCR Netanyahu faħħru ftit tas-sigħat waqt konferenza tal-aħbarijiet, u anki b’messaġġ fuq il-midja soċjali.
Madankollu l-pjan mhux se jiġi attwat sakemm ma jkollu taħditiet mal-Ministru għall-Intern ta’ Iżrael, Aryeh Deri.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ Iżrael, Naftali Bennett, qal li l-pjan mhux biżżejjed, għax irid pjan ieħor miegħu sabiex dawk li jidħlu irregolarlment jitkeċċew.
Preżentament hemm 39,000 persuna f’Iżrael tfittex l-ażil, ħafna minnhom mis-Sudan, l-Etjopja u l-Eritrea. Filwaqt li 32,500 minnhom diġà rranġawlhom il-UNHCR, il-bqija għadhom imdendlin.