Aġġornata: Imut il-ġurnalist li ntlaqat fl-istonku mill-forzi Iżraeljani

Miet il-ġurnalist Palestinjan li lbieraħ kien wieħed minn dawk li ndarbu waqt protesta oħra fil-Medda ta' Gaża.
Yaser Murtaja ntlaqat minn tiri fl-istonku lbieraħ, u għalhekk jiżdied mas-7 l-oħra li nqatlu mill-Forzi Iżraeljani waqt l-istess protesta tal-Ġimgħa.
Minbarra dawn l-imwiet, madwar 1,000 persuna oħra ndarbu huma u jitolbu li l-Palestinjani mifruxin madwar id-dinja jingħataw iċ-ċans jerġgħu lura lejn arthom.
Il-Ministru għas-Saħħa tal-Palestina qal li l-forzi Iżraeljani darbu mal-293 persuna billi fetħu n-nar fuqhom. Mijiet oħra ġarrbu ġrieħi oħra meta twaddbilhom il-gass tad-dmugħ.
Il-Palestinjani ilhom għaddejjin b’sensiela ta’ protesti fil-Medda ta’ Gaża mill-Ġimgħa l-Kbira ’l hawn, għax qed ifakkru Jum l-Art, meta fit-30 ta’ Marzu tal-1976 sitt Palestinjani mhux armati nqatlu mis-suldati Iżraeljani waqt protesta sielma kontra t-teħid ta’ aktar art Palestinjana.
Fit-30 ta’ Marzu li għadda, inqatlu 21 Palestinjan waqt l-ewwel minn dawn is-serje ta’ protesti.
Għalkemm kienu bosta l-awtoritajiet li kkundannaw dan l-użu eċċessiv ta’ saħħa minn Iżrael fuq il-Palestinjani, l-għada tal-massakru tal-Ġimgħa l-Kbira l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, faħħar xogħol l-armata.
Min-baħa tagħha, l-Armata Iżraeljana qalet li fetħet in-nar meta xi nies ippruvaw jaqbżu l-fruntiera mgħassa bil-fildiferru.
Skontha, il-grupp Ħamas, li Iżrael iqis bħala grupp terroristiku, qed jikebbes dawn il-protesti biex ikun jista' jikkumplotta l-attakki tiegħu.
Madwar 70% tal-popolazzjoni Palestinjana fil-Medda ta’ Gaża jgħixu f’madwar 360km2, żona deskritta bħala “l-akbar ħabs miftuħ fid-dinja”.
Il-protesti mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.