Iżrael jhedded li jieħu azzjonijiet kontra l-Iran

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu qal li l-pajjiż jista’ jkun qed jaġixxi mhux biss fil-konfront tal-alleati tal-Iran fil-Lvant Nofsani iżda wkoll fil-konfront tal-Iran inifsu wara l-inċidenti li seħħew fis-Sirja.
L-Iran wieġeb li Iżrael għandu reputazzjoni ta’ ‘invinċibilità’ u din ikkrollat wara li jet ta’ Iżrael twaqqa’ f’bombardament fis-Sirja, dan b’referenza għal F-16 li twaqqa’ mill-Forzi ta’ Difiża Sirjani.
Netanyahu kien qed jindirizza l-Konferenza annwali tas-Sigurità f’Munich li fiha jipparteċipaw diversi uffiċjali tad-difiża u s-sigurtà kif ukoll nies mill-korp diplomatiku mill-Istati Uniti u l-Ewropa.
F’idu allegatament kellu biċċa mid-drone Iranjan li kien qed jiġi mtajjar fl-ispazju ta’ Iżrael dax-xahar.
Huwa sostna li Iżrael mhux se jħalli lill-Iran jhedded il-pajjiż bit-terrur u li se jieħu azzjoni kontra l-Iran f’każ li dan ikun neċessarju.
Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, irrefera għall-preżentazzjoni mogħtija minn Netanyahu bħala waħda tad-daħk li ma jistħoqqilhiex risposta.
Zarif akkuża ’l Iżrael b’politika ta’ aggressjoni fuq il-pajjiżi ġirien b’referenza għad-dħul fit-territorju li jsir b’mod regolari minn Iżrael fis-Sirja u l-Libanu.
Minn naħa tiegħu Iżrael akkuża lil Tehran li qed ifittex li jkollu preżenza militari permanenti fis-Sirja fejn il-forzi li jgawdu mill-appoġġ Iranjan juru s-sapport tagħhom lill-President Sirjan Bashar al-Assad fil-gwerra ċivili.
Netanyahu akkuża lill-Iran u lill-alleati tiegħu li qed jippruvaw iwaqqfu imperu kontinwu madwar il-Lvant Nofshani minn Nofsinhar tal-Jemen.
Iżrael qed ifittex li jikkopera ma’ pajjiżi Għarab li jħaddnu t-twemmin Sunni u li huma mħassba minħabba l-influwenza Xita mill-Iran.
Netanyahu ilu xhur jgħid li ntlaħqu livelli ta’ koperazzjoni bla preċedent minn wara l-kwinti.

Filmat: BBC