Iżrael jagħti permessi lill-insara f’Gaza li jżuru Ġerusalemm fil-Milied

Il-Knisja tanà-Nativita mfittxija ħafna mill-insara

It-Taqsima tal-Gvern ta’ Iżarel responsabbli biex tikkoordina l-attivitajiet fit-territorji Palestinjani nhar il-Ħadd ħabbret li l-Gvern Iżreljan kienu se jagħtu permessi lill-insara li jgħixu f’Gaza biex ikunu jistgħu jmorru Ġerusalemm u Betlehem u nħawi oħra fix-Xatt tal-Punent, għall-festi tal-Milied.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li dan tħabbar mill-Ġeneral Kamil Abu Rukun, il-Kap tal-imsemmija taqsima. Rukun qal li l-permessi se jingħataw lil individi wara li ssir kunsiderazzjoni ta’ sigurtà u mhux fuq il-bażi ta’ età tal-applikanti.

Din is-sena, l-awtoritajiet ekklesjastiċi f’Gaza kkritikaw bl-aħrax il-fatt li ma nħarġux permessi biex l-insara tar-reġjun ma jitħallewx jiċċelebraw is-sollennità tal-Milied fil-postijiet Imqaddsa f’Betlehem u Ġerusalemm.  L-Arċisqof Pierbattista Pizzaballa, Amministratur Apostoliku għall-Ġerusalemm qal li “Dejjem hekk jiġri. L-ewwel jiċħdu l-permessi u mbagħad jagħtuhom”.

Anqas minn 60 permess

Issa, li l-permessi ħarġu fl-aħħar minuta u qrib iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, se jkun diffiċli li wieħed jikkalkula kemm insara minn Gaza se jirnexxielhom jipproffittaw u jmorru Ġerusalemm. Fil-fatt sorsi f’Gaza qalu li s’issa ħarġu biss anqas minn 60 permess.

Fl-aħħar snin, l-awtoritajiet ta’ Iżrael kienn hemm drabi fejn ħarġunumru sostanzjali ta’ permessi lil insara f’Gaza biex fil-Milied jew l-Għid imorru f’Betlehem, Nazaret jew Ġerusalemm. Is-sena li għaddiet dawn il-permessi naqsu ħafna u kienu ngħataw biss lil persuni ‘l fuq minn 55 sena.

F’Diċembru tal-2015, l-awtoritajiet Israeljani taw 600 permess biex insara f’Gaza jżuru l-postijiet sagri. Dakinhar il-permessi kienu validi għal xahar u ma ngħatawx permessi lil persuni fl-età bejn it-12 u t-30 sena.

L-insara fl-Istrixxa ta’ Gaza, illum huma ftit aktar minn 1,000, ħafna minnhom Ortodossi Grieqi, minn popolazzjoni ta’ 2 miljun Palestinjan.  Dawn il-ftit insara qed ikomplu jonqsu. Hemm żgħażagħ li qed jemigraw filwaqt li min-naħa l-oħra il-popolazzjoni anzjana titnaqqar b’mod naturali.