L-iżolament u l-kwiet għenuni nirrealizza ħafna affarijiet

Il-ħajja waqt il-Coronavirus

1. Ħajti hija fraġli 

L-ewwel nett tgħallimt li l-ħajja hija fraġli, mhijiex f’idejna, li aħna dgħajfa. Turini wkoll li aħna ħlejjaq ta’ Alla, li ħalaqna għax iħobbna. Qed ngħixu mument meta kulħadd iħossu għarkupptejh quddiemu. Veru li bl-għerf u x-xjenza l-bniedem jista’ jikkontrolla ħafna affarijiet, imma l-aħħar kelma mhix tagħna. Lanqas in-natura mhi perfetta, anzi hija limitata u fiha l-mard tagħha. Alla biss hu perfett. Hu biss Sid il-ħolqien. 

2. X’inhu essenzjali 

L-iżolament li qed ngħixu b’ħafna sagrifiċċju jgħinna nagħrfu x’inhu essenzjali u verament importanti, u x’inhu frivolu u bla siwi. Il-kwiet jgħinna nirrealizzaw li konna qbadna ritmu frenetiku, tant li warrabna lil Alla minn ħajjitna. Insejna anki lil xulxin. Ħsibna li bit-teknoloġija kapaċi nsolvu kollox. Konna kbirna wisq, kważi ġibna ruħna ta’ allat. Insejna x’inhu l-iżjed importanti, fosthom l-għaqda tal-familja, ir-relazzjonijiet sbieħ, id-djalogu sinċier, l-imħabba ġenwina, il-ħniena u r-rispett lejn kulħadd, anki lejn l-ambjent. 

L-aljenazzjoni tal-ħajja u l-kilba għall-flus nessewna kif għandna ngħixu flimkien bħala familja. Dan il-mument ta’ tbatija għaqqadna lkoll flimkien u qed jgħinna nerġgħu npoġġu l-ordni fl-iskala tal-valuri tagħna u ma niħdux lil xulxin for granted. Jalla jiftaħna aktar għal xulxin biex ħadd ma jkun imwarrab jew minsi għax kulħadd huwa prezzjuż. 

3. Ħajja oħra wara din 

Illum ma għadniex naħsbu fil-futur. Ngħidu: “Għada ħadd ma rah” u “Live for today”. Iżda s-sitwazzjoni preżenti ġġegħelna naħsbu fil-futur, għax il-futur issa sar eqreb milli kien qabel. Bla ma trid, ikollok tistaqsi: “Imma din il-marda se tmiss lili wkoll u se twassalni sal-qabar? Se ġġib fix-xejn il-ħolm u x-xewqat tiegħi? Hemm ħajja oħra jew le wara din?” Il-pandemija tgħinna nirrealizzaw 

mill-ġdid li ħajjitna għandha futur, li m’aħniex maħluqa biss għal dawn l-erbat ijiem fuq din l-art iżda biex inkunu ma’ Alla għal dejjem. 

4. Is-sabiħ tan-normalità 

Din il-pandemija sfrattatilna r-rutina tal-ħajja ta’ kuljum. Meta waqafna, qisna tfixkilna x’se naqbdu nagħmlu. Fuq ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa (li għandna l-obbligu morali li nsegwu għall-ġid tagħna u tal-oħrajn) ingħalqu l-iskejjel, il-knejjes, ir-ristoranti, l-isports, iċ-ċinema u l-każini. Il-ħajja ta’ kuljum inbidlet min-nhar għal-lejl, Bdejna nżommu d-distanzi minn xulxin. Almenu dawk li jistgħu, qed jaħdmu mid-dar. 

Konna nsejna s-sabiħ tal-ħajja normali ta’ kuljum. Insejna x’jiġifieri tqum b’saħħtek filgħodu u tmur għax-xogħol jew l-iskola. Insejna x’inhi l-arja friska li nieħdu kuljum. Insejna l-kumdità li tmur tixtri u ssib li teħtieġ, li tista’ tmur fejn trid u x’ħin trid. Konna nsejna napprezzaw dak kollu li kellna – u dan kien ħafna! Konna mexjin b’għajnejna magħluqa bla ma napprezzaw xejn. Fid-dawl ta’ dan kollu, waqt li qegħdin ġewwa, nistgħu nerġgħu niskopru s-sabiħ tan-normalità, ta’ dak kollu li jingħatalna kuljum, u ngħixu dejjem b’atteġġament pożittiv ir-rigal ta’ kull ġurnata, ir-rigal li reġa’ sebaħ, ir-rigal li sejjer l-iskola jew għax-xogħol. 

5. Fejn hu Alla? 

F’mument bħal dan, hawn min jistaqsi: “Imma fejn hu Alla?” Hi mistoqsija leġittima, li dejjem baqgħet tinkwieta lill-bniedem, sa minn żmien Ġob. Inħossni konvint li Alla, waqt li jirrispetta l-libertà tal-bniedem u tan-natura, żgur li se jgħinna f’kull mument u ċirkustanza ta’ ħajjitna għax aħna tassew għeżież għalih. Dan huwa żmien li nafdaw iżjed f’Alla, li nfittxuh u nitkellmu iżjed miegħu. Jien konvint li l-awtoritajiet tas-saħħa jafu tajjeb x’qed jagħmlu. Ma nitmexxux mill-paniku, l-ansjetà u l-qtigħ il-qalb. Xi ħadd darba qal: “L-unika ħaġa li għandna nibżgħu minnha hija l-biża’ nnifsu.” 

6. Ħin għat-talb 

Filwaqt li nsegwu d-direttivi, ejjew b’fiduċja sħiħa nafdaw f’Alla u nintelqu f’idejh. Issa ma nistgħux ngħidu li ma għandniex ħin! Hawn diversi trasmissjonijiet ta’ quddies, prietki u rużarju fuq it-televiżjoni, ir-radju u l-internet. Fuq kollox ejjew bħala familja nerġgħu niskopru kif ninġabru u nitolbu flimkien. Nistgħu naqilgħu l-Bibbja mill-ixkaffa u naqraw u naħsbu fuqha jew naqraw xi ktieb spiritwali. It-talb, anki jekk forsi ma jibdilx is-sitwazzjoni, jibdel lilna u jimliena kuraġġ biex niffaċċaw kull realtà, iebsa kemm hi iebsa.

Dan l-artiklu huwa parti mill-magazine Flimkien, edizzjoni t’April 2020. Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.