Iżjed studenti ma jmorrux għall-eżamijiet tal-‘O’ Levels

Din is-sena żdied il-persentaġġ ta’ studenti li fallew l-eżamijiet tal-‘O’ Levels fis-suġġetti kollha, imma l-iżjed eżamijiet li fallew l-istudenti kienu tal-Ingliż u l-Malti, tal-Letteratura Ingliża u tal-Fiżika. F’dawn is-suġġetti, in-nuqqas t’attendenza rduppjat u aktar mis-sena li għaddiet.

Stqarrija tal-MATSEC tgħid li filwaqt li n-nuqqas t’attendenza żdiedet fis-sitt suġġetti li rreġistraw għalihom l-aktar studenti, fil-Matematika din l-assenza ma kinitx daqshekk sinifikanti peress li minn 5.3% is-sena l-oħra telgħet għal 8.6%.

Aqra: Jibdew jaslu r-riżultati tal-MATSEC

Fl-2019 irreġistraw għall-eżamijiet tas-SEC 5,478 kandidat, li 3,672 minnhom twieldu fl-2003. Dan ifisser li 94.1% taż-żgħażagħ imwielda fl-2003 irreġistraw għall-eżamijiet. Minn dawn, 1,742 kandidat kiseb ir-riżultati meħtieġa biex jidħol fl-iskola postsekondarja. Il-MATSEC spjegat li dan ifisser li 44.6% ta’ dawk li għandhom 16-il sena kisbu aċċess għall-postsekondarja, jiġifieri żieda ta’ 1.1% mill-2018 ‘l hawn.

Il-bniet marru aħjar mis-subien fl-eżamijiet tas-SEC, u kien hemm iżjed bniet li rreġistraw għal dawn l-eżamijiet minn subien. B’kollox irreġistraw 98.6% tifla, f’kuntrast mad-89.7% tas-sena l-oħra. Minnhom, 47.9% ġabu r-riżultati meħtieġa għall-postsekondarja, filwaqt li s-sena li għaddiet kienu 41.4% tal-bniet li kisbu r-riżultati meħtieġa.

Aqra: Riżultati Benchmark: L-aħjar fl-Ingliż, l-agħar fil-Malti

Il-MATSEC issemmi wkoll li din is-sena 333 student iktar irreġistraw għall-eżamijiet tas-SEC mill-2018. Kien hemm ukoll żieda fil-kandidati li għażlu l-Paper IIB. Din kienet l-ewwel sena li fiha l-eżamijiet tal-‘O’ Levels kienu sussidjati mill-Gvern.

L-eżamijiet tas-SEC saru wkoll fi Brussell, fi Spanja, f’Montenegro u f’Korsika.