Iżjed nisa milli irġiel bħala donaturi tal-organi

Għal kull organu jew tessut li jista’ jiġi mogħti, il-lista ta’ donaturi li huma nisa hija ħafna ikbar minn tal-irġiel, b’madwar 4,000 mara iżjed.

Il-Membru Parlamentari mal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lid-Deputat Prim Ministr u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar ir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti. Huwa staqsieh waqt seduta fil-Parlament għal rendikont t’età, sess u nazzjonalita ta’ dawk reġistrati bħala donaturi.

Fearne spjega li biex tkun donatur trid tkun residenti f’Malta u jkollu karta tal-identità Maltija. Barra minn hekk, qal li sat-12 t’April kien hemm 19,639 persuna rreġistrati bħala donaturi, għalkemm hemm iżjed nisa milli irġiel. Waqt li donaturi nisa hemm madwar 11,257, donaturi rġiel hemm daqs 7,258. Barra minn hekk, l-ikbar ammont ta’ donaturi jinsab fil-kategorija ta’ bejn is-26 u l-40 sena, b’6,654.

Aquilina staqsa wkoll għall-ammont ta’ nies li talbu li ma jibqgħux ikunu reġistrati mill-2016 s’issa. Fearne wieġeb li 7 persuni rtiraw ir-reġistrazzjoni tagħhom, u 6 oħra ma ridux ikunu parti mir-Reġistru.

Biex timla applikazzjoni u ssir taf iżjed dwar ir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti, agħfas hawn.