Iżjed nirien fl-Awstralja; aktar evakwazzjonijiet

Cows stand in the field with bushfire burning in the background, in Kangaroo Island, Australia January 9, 2020 in this still image obtained from social media. PAUL STANTON - PAUL'S PLACE WILDLIFE SANCTUARY/via REUTERS

L-awtoritajiet Awstraljani qegħdin iħeġġu lin-nies biex jevakwaw mill-ġdid issa li t-temp sħun irritorna u kkawża nirien kbar li huma ta’ theddida għal diversi bliet u komunitajiet.  

Il-komunitajiet huma mħeġġa joqogħdu b’seba’ għajnejn u jkunu preparati għall-kundizzjonijiet estremi li huma mistennija fil-jiem li ġejjin. Fuq it-televixin l-awtoritajiet allarmaw lill-pubbliku u qalu li jekk jirċievu struzzjonijiet biex jitilqu, għandhom jitilqu peress li din hi l-unika garanzija tas-sigurtà tagħhom.

Illum ġew evakwati mill-ġdid partijiet minn Kangaroo Island, fejn żar il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ilbieraħ meta għamel appell sabiex it-turisti ma jitgerrxux mill-Awstralja minħabba dan it-temp estrem. In-nirien qerdu terz ta’ din il-gżira.

S’issa n-nirien ħadu l-ħajja ta’ 27 persuna. Eluf jinsabu bla dar, u miljuni ta’ annimali mietu b’kawża tan-nirien.