Iżjed fondi lill-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Ingilterra

REUTERS/Russell Cheyne

L-Ingilterra l-Ġimgħa ħabbret li kienet se tiggarantixxi 3.7 biljun lira sterlina f’iżjed fondi li se jitqassmu bejn l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex il-gvernijiet tagħhom ikunu jistgħu jippajanaw ir-rispons tagħhom kontra l-coronavirus.

In-nazzjonijiet semi-awtonomi ta’ l-Ingilterra jirċievu ftit mill-fondi tagħhom skond kemm jintefaq mill-gvern ċentrali fl-Ingilterra. Iżda l-ammonti finali is-soltu ma jkunux garantiti minn qabel u dan joħloq inċertezza dwar kemm jistgħu jintefqu fondi.

It-Teżorerija qed tipprova tnaqqas ftit minn din l-inċertezza billi qed twiegħed illi din is-sena, it-tlett nazzjonijiet se jirċievu ta’ l-inqas 3.7 biljun lira f’iżjed fondi. Dan huwa lil hinn minn żidiet oħra li b’kollox jgħoddu mat-8.9 biljun lira imħabbra fil-budget ta’ Marzu.

Din l-aħbar ta’ nhar il-Ġimgħa qed tfittex li tnaqqas ukoll ftit mit-tensjoni li qed tiżdied bejn il-gvern ċentrali u l-gvernijiet l-oħra, partikolarment dak ta’ l-Iskozja fejn l-appoġġ għall-indipendenza kompla jiżdied wara n-nuqqas ta’ qbil dwar ir-rispons li kien hemm għall-coronavirus.

Il-Prim Ministru Boris Johnson il-Ħamis li għadda żar l-Iskozja fejn filwaqt li saħaq l-importanza fl-għaqda mal-kumplament tar-Renju Unit, tkellem kontra l-possibilità ta’ referendum ġdid għall-indipendenza.