Iż-żwiġijiet imfarrka mhumiex problema mekkanika

Il-Papa jitkellem dwar il-problemi taż-żwiġijiet

Il-każi ta’ żwiġijiet imkissera ma jistgħux ikun trattati b’mod burokratika, kważi mekkaniku. Dawn jitolbu li wieħed jidħol fil-ħajja ta’ persuni li qed isofru u li huma għatxana biex ikollhom is-serenità u l-ferħ kemm personalment kif ukoll bħala koppja.

Il-Papa Franġisku qal dan lill-parteċipanti ta’ kors organizzat mir-Rota Romana dwar il-Protezzjoni taż-Żwieġ u l-Kura Pastorali għal koppji li qed ibatu. It-tema tal-kors għaqqdet żewġ fonti ta’ tħassib: il-protezzjoni taż-żwieġ u l-kura li min isib ruħu f’diffikulta.

Il-Papa qal li bla ma rridu wieħed mill-ewwel imur fuq it-tieni aspett, għax hu hawn li l-imħabba tal-Knisja materna, tal-bieraħ u tal-lum, timmanifesta ruħha quddiem sitwazzjonijiet ta’ tbatija li koppja miżżewġa tista’ tiltaqa magħhom matul it-triq.

Il-feriti taż-żwieġ

 “Illum, il-feriti taż-żwieġ, kif nafu, jistgħu jkunu diversi: psikoloġiċi, fiżiċi, ambjentali jew kulturali u kultant provokati meta l-qalb umana tingħalaq għall-imħabba permezz tad-dnub li jolqot lil kulħadd. Jien mhux se nitkellem dwar dan. Irrid ngħid biss li dawn il-każi jikkaġunaw xquq fondi fil-qlub tal-persuni involuti, feriti li jnixxu d-demm u quddiemhom il-Knisja ma tistax iddawwar wiċċha n-naħa l-oħra.

“Għalhekk il-Knisja, meta tiltaqa’ ma’ dawn ir-realtajiet ta’ koppji feruti, tibki u ssofri magħhom; u tersaq lejhom biż-żejt tal-konsolazzjoni biex itaffi l-uġiegħ u tfejjaq; għandha tieħu fuqha dan l-uġiegħ. U jekk imbagħad tipprova tkun imparzjali u oġġettiva fit-tfittxija għall-verità dwar żwieġ imfarrak, il-Knisja qatt ma hi estranea la umanamanet u anqas spiritwalment għal dawk li qed isofru. Quddiem dawn l-istejjer ta’ dwejjaq u tbatija tal-ħajja, qatt ma jirnexxilha tkun bierda jew impersonali.

“Għal din ir-raġuni, anke fil-proċeduri kanoniċi u fil-ġurisprudenza tagħha, il-Knisja dejjem tfittex biss il-ġid ta’ min hu ferut, tifftex il-verità ta’ mħabbithom; u ma għandha xejn f’moħħha ħlief li ssostni l-kuntentizza tagħhom li barra milli hi xi ħaġa li kull bniedem jaspira għaliha, hi rigal li Alla jagħti lil uliedu.

L-Ispirtu s-Santu

“Għalhekk kull proċedura ekklesjastika fejn jidħol żwieġ imkisser, mhix xi ħaġa mekkanika jew matematika fejn sempliċement niżnu l-favur u l-kontra. Le. Dejjem irid ikun l-Ispirtu s-Santu li jiggwidana.  Jekk ma hemmx l-Ispirtu s-Santu, dak li nagħmlu ma jkunx eklesjastiku.

“Wieħed jikkunsidra b’mod attent il-kura li tagħti l-knisja biex iż-żwieġ ta’ koppji Kattoliċi ikun dak li Alla riedu jkun biex ir-rieda tal-Mulej li l-umanità kollha tkun il-familja ta’ Alla, titwettaq.

“Anke meta ż-żwieġ jimla lill-koppji nsara bil-ferħ u jħossuhom umanament u spiritwalment sodisfatti, dawn qatt ma għandhom jinsew li huma msejħa kemm bħala indivdwi kif ukoll bħala koppja biex dejjem jimxu fil-fidi, fil-Knisja u mal-Knisja lejn il-qdusija.

“Hu minn din il-mixja fl-Ispirtu, minn dan id-Dawl li jsaħħan u jissodisfa l-qalb umana, li l-jitwieled il-ministeru sabiħ u indispensabbli tal-miżżewġin fil-Knisja, li tant hi meħtieġa llum fil-parroċċi, id-djoċesijiet u l-komunitajiet tagħna. Dan hu minister li joħroġ minn Sagrament, ministeru missjunarju li jipproklama li Kristu hu ħaj u jaħdem fostna; ministeru li jsejħilna biex inkunu ġenerużi biex noħolqu kreaturi ġodda, ulied Alla.

Preparazzjoni

“Is-sagrament taż-Żwieġ ma jistax ikun improvizzat. Hemm bżonn preparazzjoni mill-koppji għarajjes. Mhux biżżejjed li koppji insara jippreparaw ruħhom għaż-żwieġ billi jintegraw f’termini psikoloġiċi, affettivi u relazzjonali u fl-ippjanar li hu meħtieġ ukoll għall-istabilità tal-għaqda tagħhom fil-futur. Iridu wkoll li bil-mod il-mod isaqqu u jkabbru fihom is-sejħa speċifika biex ikunu mudell ta’ miżżewġin insara.

“Il-Konċilju Vatikan II, il-Maġisteru tal-Knisja u l-ewwel u qabel kollox il-Kelma t’Alla li jmexxuna lejn din il-missjoni apostolika li hi s-Sagrament taż-Żwieġ. Hu meta jħarsu lejn dan l-orizzont li koppji għarajjes jistgħu jikbru u jissaħħu bit-talb, bl-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni, u jiddedikaw lilhom infushom lil xulxin.

“Il-Knsija, fl-istruttura parrokkjali tagħha, hi komunità ta’ familji imsejħa biex ikunu xhieda tal-Evanġelju fit-territorju tagħhom. U anke hawn hu l-Ispirtu s-Santu li joħloq din is-sinerġija u għalhekk irridu nsejħulu għal dan il-proċess apostoliku li mhux faċli iżda mhux impossibbli”, temm jgħid Papa Franġisku.