Iż-żwiemel f’Buġibba dalwaqt għall-kenn

Ix-xogħol fuq it-tinda għaż-żwiemel u l-kuċċiera, li kellha ssir ħdejn il-pont ta’ Buġibba beda u mistennija titwaħħal fil-ġimgħat li ġejjin. Dan minkejja li xahrejn ilu, id-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali Joseph John Vella kien qal li sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju kellu jsir xelter f'dan is-sit.
Għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Joseph John Vella qal li diġà saru l-pedamenti u li bħalissa qed isir xogħol ta’ tibdil fuq l-istruttura, mill-perit ta’ Transport Malta, biex tkun tista’ titwaħħal fuq il-post.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Raymond Tabone, qal li fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra m’hemmx tined għaż-żwiemel.
Mistoqsi dwar passi li ttieħdu fl-aħħar xhur, kontra kuċċiera li ħallew iż-żwiemel fix-xemx, Vella qal li qed isiru rondi u spezzjonijiet regolari li matulhom ġew imwissija diversi sidien ta’ żwiemel.
Spjega wkoll li fost każijiet oħra, qed jittieħdu passi kriminali fuq kuċċier li kiser ir-regolamenti tat-Trattament Xieraq għall-Annimali.
F’Mejju li għadda, Newsbook.com.mt kien irraporta li disa’ persuni tressqu l-qorti akkużati b’moħqrija ta’ żwiemel. Sebgħa minnhom kienu ngħataw multa u sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.