Iż-żwieġ jinħtieġ għaqda ġeneruża u mħabba sinċiera

Papa Franġisku f'laqgħa ma' membri tas-Sacra Rota Romana

It-Tlieta li għadda, Papa Franġiksu mill-ewwel beda bil-ħidma tiegħu wara l-vjaġġ fil-Panama b’laqgħa mal-membri tat-Tribunal tas-Sacra Rota Romana li hu l-ogħla Qorti tal-Knisja li jisma’ kawżi dwar nullità taż-żwiġijiet u kawżi oħra relatati mal-Liġi Kanonika.

F’diskors li għamel lill-membri ta’ dan it-Tribunal, il-Papa rringrazzjahom għall-ħidma tagħhom u faħħar il-virtujiet tal-għaqda u l-fedeltà.

Il-Papa qal li l-‘għaqda’ u l-‘fedeltà’ li huma tant importanti fiż-żwieġ, jappartjenu “għall-essenza tal-Knisja ta’ Kristu. Qal li s-soċjetà ma tgħinx lill-kopji jgħixu dawn il-virtujiet, “Is-soċjetà li ngħixu fiha qed issir dejjem aktar sekularizzata u ma tgħinx fit-tkabbir tal-fidi bir-riżultat li l-Kattoliċi iridu jitħabtu biex jagħtu xiehda ta’ stil ta’ ħajja skont il-Vanġelu”.

Huwa sostna li l-għaqda u l-fedeltà huma meħtieġa hux biss fir-relazzjoni bejn koppja miżżewġa imma anke fir-relazzjonijiet inter-personali u fir-relazzjonijiet fis-soċjetà. “Aħna lkoll nafu bil-problema li jinqalgħu fis-soċjetà  meta ma jinżammux il-wegħdi li jsiru”.

Papa Franġisku qal li l-Ministri tal-Knisja għandhom bżonn jgħinu fit-tħejjija tal-koppji għal ħajja ta’ għaqda ġeneruża u mħabba sinċiera. Din il-preparazzjoni trid issir minn ħafna qabel iż-żwieġ u tkompli sakemm toqrob il-ġurnata taż-żwieġ u anke wara, tul il-ħajja miżżewġa.“Minħabba l-Ministru tagħhom, il-qassisin huma l-atturi ewlenin f’din il-formazzjoni għaż-żwieġ. Iżda mhux biss. L-istrutturi kollha tal-Knisja jridu jgħinu f’din it-tħejjija għaż-żwieġ,” qal  il-Papa.

Huwa semma diversi modi kif il-Knisja tista’ tgħin lill-koppji miżżewġa jgħixu f’għqda u b’fedeltà. Fost dawn semma’ li l-koppja għandha tkun qrib il-Kelma t’Alla, il-katekeżi, billi tersaq spiss lejn is-Sagramenti, tfittex direzzjoni spiritwali u tagħmel opri ta’ karità ma’ familji oħra u ma’ dawk fil-bżonn.

Il-Papa qal li dawk il-koppji miżżewġa li jgħixu f’għaqda ġeneruża u mħabba sinċiera huma riżorsa speċjali għall-ħidma pastorali tal-Knisja. “Dawn jagħtu eżempju ta’ mħabba vera  lil kulħadd u jsiru xhieda u ħaddiema fil-ġid li tagħmel il-Knisja nfisha. Din it-tip ta’ koppja miżżewġa, tirrifletti l-immaġni u x-xebħ tagħna ma’ Alla”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika stieden lill-membri tas-Sacra Rota Romana biex bis-sentenzi tagħhom jagħmlu ġustizzja għax id-deċiżjonijiet tagħhom jgħinu “biex tkun interpetata b’mod tajjeb il-Liġi Kanonika” u jippromwovu s-saħħa spiritwali u l-fidi tal-miżżewġin”.