Iż-Żrieraq mhux sodisfatti għal kollox bil-kandidati magħżula

Matul it-tieni laqgħa tal-Kumitat tan-Nofsinhar tal Partit Nazzjonalista, kompliet il-kontroversja fir-rigward tad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni li twaqfet apposta sabiex jintgħażlu l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir is-sena d-dieħla.

Matul din it-tieni laqgħa li saret fl-uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq, li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-Kap tal-Partit Simon Busuttil, kien hemm partitarji Nazzjonalisti li kkummentaw li mhux qed ikunu rappreżentati biżżejjed fin-nofsinhar, meta huma jgħixu f’distretti tradizzjonalment Laburisti.

Filwaqt li l-kandidati Kevin Plumpton u Therese Comodini Cachia huma min-naħa t’isfel ta’ Malta, kien hemm partitarji li qalu li wara li stinkaw għall-Partit Nazzjonalista jridu l-kandidati li jridu huma.

Dawn il-kummenti saru b’referenza għal kandidati li tħallew barra mil-lista, fosthom Jean Claude Micallef, li fil-ġranet li għaddew kiteb ukoll kummenti fuq Facebook.

Micallef kien preżenti għal din il-laqgħa u indirizza wkoll lil dawk preżenti filwaqt li stqarr li dejjem stinka biex il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, qal ukoll li se jibqa’ leali lejn il-partit.

Jean Claude Micallef qal saħaq li l-politika ma ssirx mill-uffiċċju imma mit-triq qalb in-nies.

Huwa irrimarka li qed jistenna lill-Partit Nazzjonalista biex jindikalu fejn jista’ jkompli jagħti sehmu.