“Iż-żrara neħħihieli Delia, għamilli pjaċir”

Miguela Xuereb

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ż-żrara fiż-żarbuna li kien ir-rapport tal-inkjest Egrant, neħħihielu l-Kap tal-Oppożizzjoni wara li lbieraħ ġiet ipubblikata l-inkjesta b’mod sħiħ.

Muscat qal li jekk joħroġ li l-investigazzjonijiet kurrenti jiġu preġudikati minħabba l-pubblikazzjoni sħiħa tar-rapport dwar l-inkjesta Egrant, mela mbagħad għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa Adrian Delia.

Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Muscat sostna li l-Avukat Ġenerali kien tah il-parir sabiex ma jippubblikax id-dokument sabiex ma jippreġudika l-ebda investigazzjoni pendenti. Hu kompla jgħid li jekk Delia għandu pariri differenti minn dawk tal-avukat ġenerali mela għandu jara li jippubblika dawn ukoll. Insista li issa jekk jippreġudika l-investigazzjonijiet u jtellef milli ssir ġustizzja jerfa’ r-responsabbiltà hu. Qal li hu ma hu se jiddejjaq xejn jipponta subajgħ fis-siegħa u l-mument li toħroġ xi tip ta’ informazzjoni tat-tip.

“L-inkjesta xhieda tal-gideb lejn familti”

Muscat qal li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant b’mod sħiħ uriet kemm sar gideb fil-konfront tiegħu u familtu. Qal li issa jista’ jitkellem b’mod aktar liberu. “Ħareġ kemm gidbu fuqi u fuq marti… Ħareġ ċar iktar minn qabel li kien hemm xi bravu jew brava li ffalsifikaw firem,” qal il-Prim Ministru.

B’referenza għal dak li qal l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, meta lbieraħ sostna li r-rapport juri li ma kienx hu li ffalsifika l-firem, Muscat qal li hu qatt ma għamel allegazzjonijiet tat-tip. Qal iżda li bid-diskors tiegħu, Busuttil ammetta li l-firem huma foloz, u li dak kollu li qal dwar Egrant kien ibbażat fuq dokument falz.

“Nissielet għall-ġustizzja la nkun ċittadini”

Il-Prim Ministru ddikjara li ladarba jkun ċittadin privat, se jkun qed jara li ssir ġustizzja. “Nistenna li ssir ġustizzja miegħi u familti u jkun hemm investigazzjoni sħiħa biex naraw min kienu l-persuni li vvintaw dawn il-firem foloz… mix-xhieda li n-nies jistgħu jaqraw jidher li kulħadd kien qed iwaħħal f’xulxin,” qal il-Prim Ministru.

“L-unika PM li ftaħt investigazzjoni fuqi nniffsi”

Muscat irrimarka li hu kien l-unika Prim Ministru li fetaħ investigazzjoni fil-konfront tiegħu stess. Spjega li malli ħarġu l-allegazzjonijiet hu qabad u mar għand maġistrat. Irrimarka li minkejja li Delia nniffsu għandu allegazzjonijiet kbar fil-konfron tiegħu, hu qatt ma mar jitlob sabiex issir inkjesta fuqu nniffsu.