Iż-żona tal-VIP kienet ippakkjata –Cassola; Segwejna l-protokolli tal-UEFA – l-MFA

Il-Kandidat Indipendenti Arnold Cassola fi stqarrija qal li ż-żona tal-VIP fil-logħba ta’ Malta kontra l-Gżejjer Faroe kienet ippakkjata. Huwa qal li skont il-protokoll tal-Isport rigward il-Covid-19, kull logħba kellha tintlagħab bil-bibien magħluqin u l-ispettaturi ma setgħux ikunu preżenti. Cassola spjega li fil-post tal-logħba seta’ jkun hemm biss l-atleti, il-ħaddiema u l-coaches.

Cassola żied li minkejja dawn ir-regoli, l-atleti ma jistgħux jinħaslu u dawk li mhumiex atleti ma jistgħux jużaw il-kmamar biex ibiddlu.

Cassola kompla li huwa inaċċettabli li s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima tħalla jidħol fejn it-tim nazzjonali Malti f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Żied li minħabba din il-pandemija, in-nies mhux iżuru l-qraba tagħhom u ma jistgħux jiltaqgħu fi gruppi ta’ iktar minn sitta kif ukoll li kulħadd għandu jilbes il-maskra. Spjega li huwa inaċċettabbli wkoll li persuni privileġġati kisru r-regoli għax huma kkunsidrati VIPs.

Huwa kkonkluda li l-Kummissarju tal-Pulizija missu qiegħed jinvestiga lil dawk imsejħa VIPs u jimmultahom. Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lill-Pulizija u lill-Kelliem għas-Segretarju Parlamentari għall-Isport madankollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni, din il-kamra tal-aħbarijiet għadha mingħajr tweġibiet.

Imxejna wkoll mal-liġi lokali – MFA

Fi stqarrija l-Assoċċjazzjoni tal-Futbol Malti qalet li n-numru ta’ persuni li attendew għal din il-logħba kien skont il-protokoll tal-UEFA kif ukoll skont il-liġi f’Malta.

L-MFA qalet li hija ħadet il-prekawzjonijeit kollha u waħħlet tabelli li jipprovdu gwida biex wieħed ipoġġi u jżomm id-distanza soċjali. Żiedet li r-regoli li jiġi applikat il-hand sanitizer, tiġi ċċekkjata t-temperatura tal-persuna u li kull persuna tilbes il-maskra wkoll ġew osservati.

L-assoċċjazzjoni qalet li ż-żona tal-VIP ma kinitx ippakkjata u r-ritratt li nxtered fuq Facebook ittieħed mill-bogħod u għalhekk ma jirriflettix id-distanza soċjali li kienet osservata minn dawk li attendew.