Iż-Żona Ewro mhux sejra tajjeb kif mistenni

It-tkabbir fiż-żona ewro naqqas fir-ritmu fl-ewwel kwart ta’ din is-sena skont statistika ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem. Dan it-tagħrif jikkonferma t-tħassib u t-twissija li esprimew bosta esperti ekonomiċi li t-tkabbir fil-blokk Ewropew kien se jimmodera kawża tal-perikli tal-protezzjoniżmu kif ukoll wara d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jnaqqas sostanzjalment il-programm tiegħu ta’ xiri ta’ bonds.
Hu mifhum ukoll li l-maltemp li ħakem l-Ewropa fl-ewwel tliet xhur tas-sena kif ukoll sensiela ta’ strikes f’pajjiżi bħal Franza u l-Ġermanja wkoll ħallew impatt fuq l-ekonomija.
Fl-ewwel tliet xhurtas-sena, it-tkabbir ekonomiku laħaq biss 0.4%, inqas mis-0.7% tal-kwart ta’ qabel. Meta wieħed iqabbel sena b’sena, it-tkabbir fiż-żona ewro skont il-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika, kien ta’ 2.5%, fil-konfront ta’ 2.8% is-sena ta’ qabel. Dan huwa l-anqas rata ta’ tkabbir fl-aħħar 18-il xahar.
Dawn iċ-ċifri jingħaqdu m’oħrajn li jikkonfermaw li ż-żona ewro bdiet titlef fir-rankatura tagħha. Meta wieħed iħares lejn ir-riżultati pajjiż b’pajjiż, fost l-aktar diżappuntanti kien hemm Franza, li niżlet minn 0.7% għal 0.3%, filwaqt li fl-Italja wkoll, anke frott il-kriżi elettorali u kostituzzjonali attwali, it-tkabbir baqa’ wieħed marġinali.
Minkejja dan, huwa pożittiv li r-rata ta’ persuni jfittxu x-xogħol baqgħat stabbli f’livell ta’ 8.5%, l-aktar rata baxxa minn Diċembru 2008.

Santander jaqleb ma’ Mastercard

Santander Bank se jsir l-ewwel fost l-akbar ħames banek fir-Renju Unit li se jibda joħroġ id-debit cardspermezz tal-Mastercard mis-sena d-dieħla. Din hija deċiżjoni li ssaħħaħ l-isforzi tad-ditta tal-cardsli tiġġieled id-dominju ta’ Visa fit-settur. Santander UK li toħroġ aktar minn 9 miljun debit card, kważi 10% tat-total tal-pajjjiż, se tibda tmexxi n-negozju lejn Mastercard fl-ewwel kwart tal-2019. 
Għal Mark Barnett, il-President ta’ Mastercard fir-Renju Unit, dan il-ftehim se jsaħħaħ l-isem tal-kumpanija fil-pajjiż u jagħti xhieda tal-flessibbiltà, konvenjenza u sigurtà tal-prodotti tagħha fid-dinja diġitali tal-lum.
Fil-preżent, aktar minn 95% tad-debit cardsfir-Renju Unit huma maħruġin minn Visa, iżda Mastercard ilha fl-aħħar snin tipprova tinfiltra s-suq permezz ta’ ftehmiet ma’ numru ta’ banek żgħar. Mastercard kompliet tinvesti fl-infrastruttura biex tkun tista’ tespandi b’dan is-suq, u s-sena li għaddiet, xtrat mingħand konsorzju ta’ banek għal 700 miljun sterlina l-kumpanija Vocalink li tibni infrastruttura għal pagamenti real-time.
Fil-preżent Vocalink qed taħdem fuq servizz ġdid li mistennija tniedi aktar tard din is-sena li permezz tiegħu l-konsumaturi jħallsu għal akkwisti li jagħmlu fuq l-Internet direttamenti mill-kontijiet kurrenti mingħajr l-użu ta’ debit cards. Diversi banek kbar, fosthom Barclays u HSBC diġà ffirmaw biex jieħdu sehem f’dan il-programm.

Diżastri naturali jbaxxu l-profitt ta’ AIG

Il-profitti tal-kumpanija multinazzjonali tal-assigurazzjoni AIG niżlu drastikament, bil-kumpanija tattribiwixxi dan it-tnaqqis għal telf telf iikkawżat minn diżastri naturali.Il-profitt fl-ewwel kwart tas-sena għal AIG kien ta’ 269 miljun dollaru, li huwa ferm inqas mill 1.8 biljun dollaru rreġistrat is-sena ta’ qabel. 
Il-kumpanija spjegat kif kellha tħallas lura ammonti kbar marbuta ma’ diżgrazzji naturali, fosthom terremot fil-Ġappun, għargħar fi New Zealand u  maltempati kbar fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. Dawn id-diżastri naturali swew lill-kumpanija madwar 1.7 biljun dollaru.
Barra minn hekk, il-kumpanija ddeċiediet li tħallas self ta’ 3.3 biljun dollaru lill-Federal Reserve Bank ta New York sentejn qabel. Il-Gvern Amerikan fil-preżent huwa proprjetarju ta’ 92% tal-kumpanija wara li kienet is-suġġett ta’ bailout fis-snin li għaddew, iżda din is-sena l-Gvern fi ħsiebu jirritorna din il-kumpanija lura lill-pubbliku.
B’kollox il-kumpanija temmet l-ewwel kwart tas-sena bi profit ta’ $1.04 kull sehem, meta mqabbel ma’ $1.36 fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. AIG, li topera f’aktar minn 80 pajjiż u tħaddem ‘il fuq minn 56,000 ruħ, pruvat tilqa’ għal din is-sena diffiċli bil-bejgħ ta’ xi propretà kif ukoll ta’ ċertu setturi anċillari tan-negozju tagħha.
Mal-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-riżultati, l-ishma ta’ AIG kif kwotati fil-Borża ta’ New York, niżlu b’aktar minn 6% għal livell ta’ 54 dollaru.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.netTel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment