Iż-żjarat f’Kordin jibdew mill-Ġimgħa, bla kuntatt fiżiku

Iż-żjarat lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jerġgħu jibdew minn nhar il-Ġimgħa. Dawn se jkunu bla kuntatt fiżiku.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li dan se jsir peress li se jintemmu l-maġġoranza tar-resttrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 f’Malta.

“Bil-għan li fil-faċilità jibqgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, f’dawn iż-żjarat mhux se jkun hemm kuntatt fiżiku bejn ir-residenti u l-persuni li jżuruhom,” qal il-Ministeru.

Qal li ma ġewx reġistrati każi pożittivi fil-ħabs s’issa.

Intqal ukoll li l-uffiċjali korrettivi, li ilhom madwar tliet xhur jirrapportaw għal ġimgħa ta’ xogħol konsekuttiva, ukoll se jkunu qed jirritornaw għar-rutina normali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn