Iż-żjara tal-Papa fis-Sudan t’Isfel saret aktar possibbli

Il-President tas-Sudan t’Isfel, Salva Kiir Mayardit qed jagħti l-ġurament bħala l-ewwel Viċi President tal-pajjiż lil Dr. Riek Machar, fit-22 ta’ Frar (Credit: Charles Atiki Lomodong/AP.)

Meta l-mexxejja tas-Sudan t’Isfel fallew għat-tieni darba milli jimplimentaw il-Ftehim ta’ Paċi li kien hemm qbil dwaru biex jiffurmaw Gvern Transitorju, f’Novembru li għadda, il-Papa Franġisku qal li xtaq iżur dan il-pajjiż jekk ikunu kapaċi jwaqqfu l-kunflitt li kien ilu għaddej seba’ snin.

Fit-22 tax-xahar li għadda, il-mexxejja tas-Sudan t’Isfel għamlu pass kbir ‘l quddiem biex iż-żjara tal-Papa fil-pajjiż issir realtà, meta l-President Salva Kiir ta l-ġurament lill-Kap tar-ribellli, Riek Machar, bħala l-ewwel Viċi President tal-pajjiż u b’hekk effettivament ġie fis-seħħ il-Ftehim ta’ Paċi li kien intlaħaq fl-2018 biex tintemm il-gwerra ċivili.

Skont Paolo Impagliazzo, li kien preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament, bħala Segretarju Ġenerali tal-Komunità San Egidio u delegat għas-Sudan t’Isfel tal-imsemmija komunità, il-Kattoliċi f’dan il-pajjiż “qed jistennew bil-ħerqa iż-żjara tal-Papa Franġisku”.

Interess ġenwin

Il-Papa Franġisku ħa interess ġenwin fis-Sudan t’Isfel u spiss jappella għall-paċi u jorganizza ġranet ta’ talb biex jintemm il-kunflitt. F’April tas-sena li għaddiet kien stieden lill-President u lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħmlu irtir fil-Vatikan u kien ġibed l-attenzjoni tad-dinja meta fi tmiem l-irtir niżel ibus riġeljn iż-żewġ mexxejja.

Impagliazzo qal li politikament, il-fatt li issa l-pajjiż għandu l-Viċi President hu pass ‘l quddiem fil-formazzjoni ta’ Gvern Tranistorju, u allura s-sitwazzjoni hi aħjar milli kienet. Hu nnota li fid-diskorsi li għamlu waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament, iż-żewġ mexxejja rringrazzja lill-Papa u lill-Komunità San Egudio għar-rwol tagħhom ta’ medjazzjoni għall-kisba tal-paċi.

“Aħna smajna s-sejħa tiegħu u nixtiequ ngħidulu wkoll li għamilna rikonċiljazzjoni u b’umiltà lqajna l-insistenza tiegħu għall-paċi”, stqarrew iż-żewġ mexxejja, b’riferenza għall-Papa Franġisku.

Impagliazzo qal li hu jqis id-diskors tal-President Kiir bħala espressjoni tax-xewqa li l-Papa jżur is-Sudan t’Isfel. Għalkemm bħalissa m’hemmx dati ffissati, malli jkun iffurmat il-Gvern u jieħu l-pusses tiegħu l-Arċisqof ta’ Juba, Stephen Ameyu Martin Mulla, il-vjaġġ tal-Papa jkun jista’ jsir.

Iż-żjara tal-Papa tista’ sservi wkoll biex tgħin lill-poplu isib mod inklussiv kif jista’ jgħix flimkien.

Il-kunflitt

Il-kunflitt fis-Sudan t’Isfel beda ftit wara li l-pajjiż kiseb l-indipendenza fl-2011. Sentejn wara, il-President Kiir neħħa lil Machar minn President u akkużah li kien qed jipprova jagħmel kolp ta’ stat biex iwaqqa’ l-Gvern. Fi żmien qasir dik li bdiet bħala kwestjoni politika spiċċat f’kuflitt etniku.

F’Settembru 2018 kien negozjat Ftehim ta’ Paċi. Il-formazzjoni ta’ Gvern kellha ssir fit-12 ta’ Novembru. Iżda ftit jiem qabel din id-data, il-mexxejja ħabbru posponiment ieħor u qalu li se jiffirmaw fit-22 ta’ Frar, kif fil-fatt għamlu.

Sal-lum hu stmat li madwar 400,000 persuna nqatlu fil-vjolenza u miljuni oħra kellhom jitilqu minn djarhom hekk kif il-kriżi umanitarja kompliet tiħrax.  Fil-fatt, ftit siegħat biss qabel kien iffirmat il-ftehim, in-Nazzjonijiet Uniti ppublikat rapport li fih akkużat il-forzi tal-Gvern u l-Oppożizzjoni li fil-ġlieda tagħhom għall-poter kienu qed iħallu n-nies imutu bil-ġuħ.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament, il-President Kiir talab b’mod speċifiku lin-Nazzjonijiet Uniti biex tindaħal billi tipprodi finanzjament biex ikunu megħjuna r-refuġjati u biex il-familji li kellhom jitilqu minn djarhom ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom.