Iż-żjara tal-Papa fil-Bulgarija u l-Macedonia u r-relazzjonijiet mal-Ortodossi

Il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Bartolomew I waqt laqgħa ekumenika ta’ talb għall-paċi fil-lvant Nofsani li saret f’Bari f’Lulju li għadda. (Credit: AP Photo/Alessandra Tarantino.)

Meta l-Papa Franġisku jżur il-Bulgarija u l-Macedonia fil-bidu  ta’ Mejju, dan il-vjaġġ jista’ jitqies bħala wieħed mhux importanti għax mhux se jiġġenera l-entusjażmu internazzjonali li kellhom vjaġġi oħra f’pajjiżi Musulmani bħal dak tal-Marokk u l-Emirati Għarab Magħquda.

Madankollu, l-vjaġġ lejn il-Macedonia u l-Bulgarija u aktar tard din is-sena fir-Rumanija, juru biċ-ċar l-aġenda ta’ Papa Franġisku favur l-Ewropa tal-Lvant li mhux biss ngħatat importanza fil-Pontifikat tiegħu u imma titfa wkoll dawl dwar l-istrateġija tal-Vatikan lejn l-Ortodossi li ilha tinħass sa minn żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II.

Strateġija ekumenika

Għall-Vatikan din hi strateġija politika u ekumenika.

Tul il-ħakma Komunista fl-Ewropa tal-Lvant, il-Kristjaneżmu kien maħnuq. Kemm il-Kattoliċi kif ukoll l-Ortodossi sofrew. Iżda wara li waqgħet il-Purtiera tal-Ħadid, il-Knisja Kattolika tal-Lvant reġgħet qamet fuq saqajha u dan wassal għal problemi mal-Ortodossi dwar id-drittijiet tal-proprjetà għax ħafna proprjetà ekklesjastika fir-Russja u l-Ewropa tal-Lvant li kienu konfiskati mill-Gvern ingħataw lill-Ortodossi jew lill-Istat. Imma l-Kattoliċi tal-Lvant riedu l-proprjeta tagħhom lura.

Fost dawn it-tensjonijiet, fl-1995, il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb l-Enċiklika “Ut Unum Sint” (Ħa jkunu ħaġa waħda) li fiha tkellem dwar il-bżonn li nfittxu l-għaqda.  Is-sena li għaddiet, il-Patrijarka Bartholomew I ta’ Kostantinopli, mar Ruma għal laqgħa li fiha kemm hu kif ukoll il-Papa Ġwanni Pawlu Ii enfassizzaw il-ħtieġa tal-għaqda.

Għal ħafna snin. Il-Knisja Ortodossa Russa fixklet ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-Ortodossi. L-Ortodossi Russi, li huma l-akbar u l-aktar Knisja influwenti fost l-Ortodossi u għandha reputazzjoni li mhux dejjem timxi sewwa ma’ knejjes oħra u rreżistiet ħafna id-djalogu ekumeniku.

Il-ħidma tal-Papiet

Ġwanni Pawlu II għamel sforzi kbar biex jersaq lejn id-dinja Ortodossa u beda biż-żjara lill-Patrikjarka ta’ Kostantinopli fl-1979 u tul il-Pontifikat tiegħu ltaqa’ ma’ diversi mexxejja Ortodossi.

F’Mejju 1999, Ġwanni Pawlu II żar ir-Rumanija fuq stedina tal-Patrijarka Ortodoss Rumen. Sentejn wara, żar il-Greċja fejn iltaqa’ mal-Kap tal-knisja Ortodossa Griega, il-Patrikjarka Christodoulos u fl-2001 żar l-Ukrajna fejn il-Knisja Ortodossa hi meqjusa bħala t-tieni l-akbar fost il-komunitajiet Ortodossi. Fl-2002 żar il-Bulgarija, is-Serbia, l-Belarus u l-Polonja fejn dejjem iltaqa’ mal-kapijiet Ortodossi f’dawn il-pajjiżi.

Sena qabel il-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu 11 fl-2005, il-Patrijarka Bartolomew iltaqa’ miegħu fil-Vatikan u mexxew flimkien ċerimonja ekumenika biex ifakkru d-deċiżjoni tal-Knisja Kattolika li tagħti lura lill-Ortodossi r-relikwi ta’ San Girgor u San Ġwann Krisostmu, ħewġ qaddisin venerati kemm mill-Kattoliċi kif ukoll mill-Ortodossi.

Fl-2017, il-Papa Franġisku silef lill-Ortodossi Russi ir-relikwa ta’ San Nikola ta’ Bari, li hu wieħed mill-qaddisin l-aktar venerati fil-komunita Ortodossa.

Benedittu XVI kompla x-xogħol ta’ Ġwanni Pawlu fejn jidħlu l-Ortodossi u ltaqa’ ma’ diversi Patrijarki Ortodossi fil-Vatikan jew meta żar pajjiżhom. Fl-2006 il-Patrijarka Christodoulos kien l-ewwel mexxejj tal-Knisja Ortodossa Griega li żar il-Vatikan.

Papa Franġisku jkompli jersaq lejn l-Ortodossi

Il-Papa Franġisku mpenja ruħu li jkompli jġorr din it-torċa u bid-diversi laqgħat tiegħu mal-Patrikjarka Bartolomew u ħafna oħra, kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi.

Jekk fiż-żjara li se jagħmel il-Papa jirnexxielu joħloq relazzjonijiet b’saħħithom mal-mexxejja Ortodossi tal-Bulgarija u l-Maċedonja li jiltaqa’ magħhom bejn il-5 u s-7 ta’ Mejju, dan jagħti saħħa akbar lill-Vatikan fid-dinja Ortodossa.