Iż-żjara tal-Papa estiża għal jumejn?

REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

Sorsi infurmati qrib il-Gvern qalu ma’ Newsbook.com.mt li hemm possibilità kbira li ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta tkun estiża għal jumejn.

Dan ifisser li minflok fil-31 ta’ Mejju, f’Pentekoste, il-Papa jasal Malta jum qabel, is-Sibt waranofsinhar.  Huwa mistenni, li mill-ajruport imur mill-ewwel il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, hekk kif dejjem l-ewwel laqgħa tal-Papa f’pajjiż tkun mal-ogħla awtoritajiet.

L-istess sorsi qalu li wara din il-laqgħa, il-Papa jerħilha għal Għawdex fejn mistennija ssir ċelebrazzjoni bit-talb ta’ filgħaxija (il-Vespri) quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Dan ġie kkonfermat mill-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech nhar it-Tnejn li għadda meta tħabbret iż-żjara uffiċjali tal-Papa f’Malta.

Il-Papa mbagħad mistenni jirritorna Malta u jqatta’ l-lejl fin-Nunzjatura Appostolika fir-Rabat. L-għada mbagħad x’aktarx jiċċelebra Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana u jżur il-Grotta ta’ San Pawl.

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma wkoll li qabel iħalli Malta għal Ruma, il-Papa se jżur post fejn hemm l-immigranti.

Illum, esperti mill-Vatikan u uffiċjali tal-Kurja bdew iżuru siti f’Malta u Għawdex biex jikkonkludu t-tfassil tal-programm taż-żjara ta’ Franġisku.

Kelliem għall-Kurja qal biss li d-dettalji tal-programm taż-żjara tal-Papa jitħabbru ladarba jiġu ffinalizzati.