Iz-zija kienet offriet Lm5 lin-neputija biex tbiddel il-verżjoni

Iz-zija tat-tifla li kienet qalet li missierha kien jabbuża minnha sesswalment u wara bidlet il-verżjoni, kienet offriet Lm5 lin-neputija biex tbiddel il-verżjoni tagħha.
Fil-Qorti ntqal kif il-missier, Emanuel Camilleri, kien ġie rilaxxat temporanjament mill-ħabs wara li t-tifla, li llum għandha 20 sena, kienet allegat li ġiet sfurzata minn ommha biex tagħti evidenza falza.
Camilleri kien tressaq il-Qorti l-ewwel darba fl-2004 akkużat li kkorompa minuri.
Wara kważi 400 jum il-ħabs, huwa ġie lliberat fuq ordni tal-Qorti Kostituzzjonali.
Matul dan il-perjodu, Camilleri dejjem saħaq li hu innoċenti.
Fix-xhieda tagħha llum, l-Ispettur Calleja qalet li z-zija tat-tifla, Sandra Carabott kienet offriet xi flus lin-neputija biex tbiddel il-verżjoni tagħha.
Fil-Qorti llum ukoll kompliet tinstema’ il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Lisa May Camilleri li qed tkun akkużata li tat ġurament falz.
Fost ix-xhieda kien hemm ukoll il-preżentatur Peppi Azzopardi li qal li Camilleri kien lest jagħmel test fuq il-magna tal-verita’ fuq it-televiżjoni biex jipprova li hu qatt ma mess lill-bintu.