Iż-żieda ta’ każi madwar l-Ewropa hija ‘ta’ inkwiet kbir’ – WHO

Pexels

Read in English.

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet f’Copenhagen, id-direttur reġjonali ta’ WHO għall-Ewropa Hans Kluge qal lill-ġurnalisti li wasal iż-żmien biex “insaħħu l-miżuri” hekk kif iż-żieda ta’ każi madwar il-kontinent hija ta’ “inkwiet kbir”.

Għaldaqstant żied jgħid li s-sitwazzjoni mhiex ħażina daqs kemm kienet f’Marzu u April, u saħaq li lockdowns sħaħ “fejn kull aspett tas-soċjetà u ta’ l-ekonomija twaqqfu kompletament” għandhom ikunu evitati.

“Il-ħsara kollaterali fuq in-nies, kienet ħażina wisq,” kompla jgħid, filwaqt li ħeġġeġ lill-gvernijiet biex “ma joqgħodux lura milli japplikaw miżuri inqas drastiċi”.

Is-saħħa mentali tan-nies, ir-riskji ta’ vjolenza domestika u l-edukazzjoni tat-tfal għandhom ikunu l-fatturi l-iżjed importanti li jkunu kunsidrati, żied jgħid.

Kluge qal li l-każijiet konfermati madwar il-pajjiżi Ewropej kienu telgħu minn 6 miljuni għal iżjed minn 7 miljuni f’għaxart ijiem, b’żidiet rekord nhar id-9 u l-10 ta’ Ottubru, meta t-total f’jum wieħed għall-ewwel darba qabeż il-120,000 każ.

Iżda żied jgħid ukoll li ż-żieda ta’ każi konfermati kienet ukoll riżultat ta’ żieda fl-ittestjar, filwaqt li ż-żieda fit-trażmissjoni fost dawk iżgħar u inqas vulnerabbli, flimkien ma’ kapaċità aħjar ta’ l-isptarijiet li jimmaniġġjaw każi iżjed gravi, huma fatturi li qed jgħinu jnaqqsu r-rata ta’ mwiet.

Għaldaqstant, għad hemm “potenzjal realistiku” li l-epidemija taggrava b’mod drastiku, speċjalment jekk il-marda terġa’ tattakka lill-anzjani u l-gruppi iżjed vulnerabbli “minħabba żieda fil-kuntatti soċjali bejn ġenerazzjonijiet differenti”.