Iż-żieda fis-serq hi dovuta għat-tnaqqis fit-taħriġ tal-pulizija – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab imħasseb dwar iż-żieda sostanzjali fil-kriminalità u s-serq mid-djar b'mod speċjali fiż-żoni ta' Tas-Sliema u San Ġiljan.
Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li dan huwa riżultat ta' nuqqas ta' pulizija fit-toroq Maltin u Għawdxin, u ta' numru kbir ta' transfers li saru fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur.
Żied jgħid li l-aktar deċiżjoni li wasslet biex ma jiġix ikkontrollat is-serq mid-djar tal-familji Maltin u Għawdxin hija dik tat-twaqqif tat-taħriġ tal-Pulizija tad-Distretti.
Azzopardi spjega kif qabel Mejju tas-sena li għaddiet, kull membru tal-Korp tal-Pulizija, inkluż id-900 Pulizija tad-Distrett kienu jirċievu minimu ta' 8 sigħat taħriġ obbligatorju, akkademiku u fiżiku kull xahar. Sostna li għal xi raġuni, il-Gvern waqqaf dan it-taħriġ.
Saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa' jagħmel appell lill-Gvern biex jerġa' jibda dan it-taħriġ u jsaħħaħ id-Distretti mill-aktar fis possibli.