Iż-żieda fil-passiġġieri żżid il-profitti tal-MIA

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-MIA kompla jżid il-profitti tiegħu s-sena l-oħra biex telgħu għal €24.2 miljun.
Is-sena ta’ qabel, il-profitti kienu laħħqu l-€21 miljun.
Waqt il-laqgħa annwali ġenerali, kelliem għall-MIA qal li l-kumpanija ziedet il-profitti bi kważi 15% fl-oqsma tal-avjazzjoni, u ta’ 8% fis-setturi mhux marbuta direttament mal-avjazzjoni.
Il-parti l-kbira ta’ din iż-żieda ġiet attribwita għaż-żieda sostanzjali fl-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali Malti.
Intant l-aħħar ċifri jindikaw li f’April ta’ din is-sena, il-passiġġieri zdiedu b’50% meta mqabbel m’April ta’ sena ilu meta għaddew aktar minn 591,000 passiġġier.
L-MIA qalet li s-suq Spanjol kien dak li rreġistra l-akbar żieda wara t-tnedija ta’ tliet rotot ġodda minn u lejn Spanja.