Ħallu l-ħaddiema tal-Gvern jaħdmu mid-dar; iż-żieda fil-każi qed toħloq ansjetà – UĦM

Aġġornat 05:34 PM

Il-UĦM Voice of the Workers esprimiet it-tħassib tagħha bin-numru ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19 li qed jinstabu ta’ kuljum.

F’ittra lis-Segretarju Permanenti Ewlieni l-UĦM qalet li dawn in-numri qed joħolqu ansjetà lil ħafna ħaddiema u qalet li rċeviet diversi talbiet mingħand il-ħaddiema u qed terġa’ tisħaq li l-postijiet ta’ xogħol jimxu skont il-linji gwida li ħarġu mis-Supretendent ta’ Saħħa Pubblika.

Il-Unjin qalet li qed tesiġi biex l-Gvern jerġa’ jagħti l-opportunità lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-Settur u fis-Servizz Pubbliku biex, min jista’ jkompli jaħdem bit-telework. Dan bħala prekawzzjoni ħalli jitnaqqas il-kuntatt wiċċ imb wiċċ u jkun hemm numru żgħir ta’ ħaddiema fl-istess post.

Il-UĦM qalet ukoll li fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern għandu jerġa’ jikkunsidra din il-proposta mhux biss għax kienet esperjenza pożittiva għall-ħaddiema, imma anki għal min iħaddem. Saħqet li għandu jsir risk assessment f’kull post tax-xogħol sabiex issaħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol ikunu salvagwardjati.

Il-UĦM ipproponiet li għandu jkun hemm:

  • distanza ta’ żewġ metri meta tkun tista’ tinżamm;
  • ikun hemm ventilazzjoni tajba fil-post;
  • it-tindif isir ta’ spiss;
  • jiġu provduti sanitizers u lbies protettiv fejn ikun hemm il-bżonn;
  • il-ħaddiema jaraw li jkun hemm perspex screens ħalli l-pubbliku jkun protett;
  • ikun hemm linji gwida kif jiġu immaniġġjati dokumenti/posta;
  • Kwarantina ta’ 15-il ġurnata qabel jirritornaw għax-xogħol il-ħaddiema/klijenti li jkunu siefru;
  • l-ispazji komuni kollha tal-postijiet tax-xogħol għandhom jiġu disinfettati immedjatament b’mod professjonali u jibqa’ jsir hekk fuq bażi regolari. Dan għandu jsir wara l-ħinijiet tax-xogħol.

Il-UĦM Voice of the Workers saħqet li l-ħaddiema vulnerabbli bħan-nisa tqal, persuni bid-dijabete u nies bi problemi fis-sistema immunitarja, iż-żmien għadu mhux propizju sabiex dawn il-ħaddiema jkunu esposti ladarba soluzzjoni aħħarija għall-COVID-19 għadha ma nstabitx. Intant il-UĦM qalet li  għadha qed tipproteġi lil dawn il-ħaddiema permezz ta’ tilwima industrijali li kienet irreġistrat f’ 3 ta’ Ġunju 2020. Dan għaliex dawn il-ħaddiema għandhom jiġu protetti minħabba li r-riskju ta’ espożizzjoni għal dan il-virus huwa wieħed enormi.

Dritt għar-risposta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni:

Irid jingħad li t-telework fis-Servizz Pubbliku qatt ma tneħħa jew twaqqaf, anzi s-Servizz Pubbliku jista’ jiftaħar li, flimkien ma’ konċessjonijiet oħra li jingħataw lill-impjegati tiegħu, huwa tabilħaqq u mingħajr dubju leader fejn jidħol il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Hija din l-esperjenza mżewqa ma’ investiment ta’ mija u ħamsin miljun ewro fit-teknoloġija, ir-rieda u l-ħila tal-uffiċjali pubbliċi, li wasslu biex meta kien hemm il-bżonn xorta ngħataw is-servizzi governattivi. Flok ma ngħataw mill-uffiċini, xorta twasslu mid-djar tal-impjegati.

Terġa’ u tgħid, din il-bidla saret mil-lejl għan-nhar.

Minn dakinhar ’il hawn, għalkemm id-direttivi rispettivi li nħarġu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tneħħew, id-direzzjoni baqgħet li t-telework jibqa’ jingħata.

Wieħed irid ifakkar li fl-eqqel tal-imxija tal-Covid-19 fil-bidu tas-sena, mill-ewwel kienet saret analiżi biex tistħarreġ id-difetti maniġerjali u tekniċi tax-xogħol lil hinn mill-uffiċċju (remote working).

Ir-riżultat diġà ġie mgħarbul u issa beda x-xogħol biex, minn telework, is-Servizz Pubbliku jmur għar-remote working. B’hekk, is-Servizz Pubbliku se jkompli jkun pijunier u mudell ta’ kif wieħed għandu jilħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan mhux biss minħabba l-imxija, imma biex ikun proċess ta’ kuljum.

Dwar il-punti l-oħra li tqanqlu fl-ittra tal-UĦM, l-istruzzjonijiet dejjem kienu ċari u msejsa fuq il-linji gwida li jinħarġu mid-Dipartiment tas-Saħħa.