Iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja ma jgħinux lil kulħadd – AKF  

Iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja mhumiex qed iħallu effett pożittiv fuq dawk li għandhom dħul baxx, f’pagi, pensjonijiet u benefiċċji oħra, skont l-Alleanza Kontra l-Faqar.

L-AKF qalet li dan in-nuqqas ġej minn kif tinħadem ir-rata tal-inflazzjoni, fuq numru ta’ prodotti u servizzi u kif dawn jaffettwaw lill-konsumatur, li normalment jitqies bħala familja bi dħul pjuttost għoli. Għalhekk, tgħid l-Alleanza, dan mhuwiex qed jirrifletti s-sitwazzjoni ta’ min għandu dħul baxx. Dawk bi dħul baxx qed jitħallew barra minn din is-somma.

L-Alleanza sostniet li minħabba l-qagħda tagħhom, dawn in-nies ikollhom neċessitajiet u prijoritajiet differenti, għalhekk aktar jonfqu flus fuq affarijiet bażiċi, bħal ikel, kera, jew mediċini fil-każ tal-pensjonanti.

Kif turi l-istatistika tal-NSO, u anke tal-EUROSTAT, dawn il-prodotti u servizzi qed jogħlew b’rata ogħla minn affarijiet oħra.

Skont l-Alleanza, dan in-nuqqas ta’ kalkolu korrett qed joħloq iżjed faqar. Dawn in-nies, ta’ kull sena, qed imorru lura fil-valur tal-pagi u tal-pensjonijiet, u mhux qed ikollhom dħul li jservi għall-ispejjeż tal-ħajja.

L-Alleanza Kontra l-Faqar qiegħda tappella lill-Gvern biex fil-baġit li jmiss jibda jikkoreġi dan in-nuqqas.