“Iż-żgħażagħ tal-lum jibnu s–soċjetà ta’ għada” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li huma ż-żgħażagħ tal-lum li se jibnu s-soċjetà ta’ għada.

Delia illum żar l-istands imtellgħin mill-għaqdiet tal-istudenti matul il-Freshers’ Week fl-Università.

Huwa tkellem mal-istudenti u sema’ aktar dwar il-ħidma tad-diversi għaqdiet tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-PN intqal li Dr Delia stqarr huwa importanti li ż-żgħażagħ jibqgħu juru interess fit-tagħlim u fil-futur tal-pajjiż, sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jbiddlu l-futur ta’ pajjiżna.

“Għalhekk hija sfortuna li għad hawn ammont ta’ studenti li ma jibqgħux għaddejjin u jkomplu bl-istudji tagħhom,” hu spjega.

Huwa qal li l-Università huwa l-post tal-ideat, id-diskussjoni, l-kreattività u mhux taċ-ċensura.

Matul din iż-żjara, Dr Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.