Iż-żgħażagħ tal-Alternattiva jqisu li l-mina hija biss deċiżjoni għall-voti

L-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ fi stqarrija tqis li l-bini ta’ mina minn Għawdex lejn Malta hija biss deċiżjoni għall-voti tal-Għawdxin.
L-istqarrija tgħid li din mhix se tipprovdi soluzzjoni għall-problema reali li hija l-konġestjoni tat-traffiku miċ-Ċirkewwa saċ-ċentru ta’ Malta.
Is-sezzjoni taż-Żagħżagħ tal-Alternattiva targumenta li qed jiġi propost il-bini tal-mina mingħajr ma saru l-istudji kollha meħtieġa, l-impatt li se jkun hemm fuq il-kummerċ f’Għawdex u l-ispiża biex tinbena l-mina.
Jingħad li l-ispiża ta’ mini simili juru l-ispiża hija ogħla minn dik li qed tissemma’ u dan jista’ jwassal biex in-noll u s-sussidji jkunu għoljin ferm u dan b’żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil għall-Għawdxin li jriedu jinżlu Malta.
L-Alternattiva Żgħażagħ qed issostni li servizz ħafif bil-baħar mill-Port il-Kbir jgħin biex ma jkunx hemm spejjeż addizzjonali, jonqos it-traffiku u t-tniġġiż tal-ajru.
L-istqarrija tgħid li l-mina se twassal għal żieda fit-traffiku, teqred il-karattru uniku ta’ Għawdex u thedded ix-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel, għaliex skont l-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ, is-servizz tal-vapur ma jibqax vijabbli.