Iż-żgħażagħ se jiltaqgħu mal-kandidati għall-Parlament Ewropew

Nhar is-Sibt li ġej f'Dar l-Ewropa, se jitnieda l-'League of Young Voters', li għandu l-għan li jirrifletti l‑aspettattivi taż‑żgħażagħ hekk kif qed joqorbu l‑elezzjonijiet Ewropej.
L‑inizjattiva, l‑ewwel tat‑tip tagħha f'pajjiżna, qed tiġi kkoordinata mill‑Aġenzija Żgħażagħ u l‑Kunsill Nazzjonali taż‑Żgħażagħ, bl‑appoġġ tal‑Uffiċċju għall‑Informazzjoni tal‑Parlament Ewropew f'Malta.
Dan l-uffiċċju qal li dan hu moviment mal-Ewropej kollha, miż‑żgħażagħ għaż‑żgħażagħ biex titqajjem kuxjenza dwar id‑direzzjoni li l‑Ewropa għandha tieħu fis-snin li ġejjin.
Numru ta' ambaxxaturi żgħażagħ involuti f'dan il‑proġett diġà esprimew l‑opinjoni tagħhom dwar numru ta' kwistjonijiet importanti bħall‑programmi tal‑mobiltà taż‑żgħażagħ, l‑eliġibiltà tal‑vot minn 16‑il sena 'l fuq u t‑trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż‑żgħażagħ.  
L-attività ta' nhar is-Sibt se tkun l‑ewwel minn numru ta' attivitajiet li se jsiru sa Mejju u se tinfetaħ mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Stefan Buontempo.
Waqt din l-attività ż-żgħażagħ se jkollhom l‑opportunità li jiltaqgħu mal‑kandidati għall‑Parlament Ewropew u jesploraw modi kif jistgħu jagħtu kontribut fil‑kampanja ta' informazzjoni li qed issir f'Malta. 
It‑tnedija tibda fl‑9:45am.
Aktar informazzjoni tinsab fuq www.facebook.com/lyv.malta