Iż-żgħażagħ qed iġibu qawmien ġdid fil-Knisja fl-Awstralja

Minkejja li bħalissa fl-Awstralja jeżisti sentiment anti-kattoliku l-aktar wara li għadu kif kien hemm plebixxit favur iż-żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess, diversi każi ta’ abbuż mit-tfal, iż-żgħażagħ kattoliċi qed jagħtu ħajja ġdida lill-Knisja.
Jekk titkellem favur iż-żwiġijiet tradizzjonali tkun qed tagħmel suwiċidju soċjali. L-aħħar surveys juru li anqas nies qed jipprattikaw ir-reliġjon. Dawk li ma għandhom ebda reliġjon huma aktar mill-Kattoliċi u l-knisja tradizzjonali li bnew b’tant sagrifiċċji is-saċerdoti u sorijiet Irlandiżi li waslu fl-Awstralja ħafna snin ilu, qed tmut mewta naturali.
Il-ġimgħa li għaddiet, numru ta’ żgħażagħ għaddew fuq li skateboards tagħhom minn quddiem knisja u qaċċtu l-irjus tal-Madonna u l-Bambin minn statwa li hemm barra l-Knisja.  Fuq il-medja soċjali, ir-risposta għal dan l-att vandalu kienet waħda sorprendenti.
L-Isqof Richard Umbers qal li fl-istess jum li sar dan il-vandaliżmu, mijiet ta’ żgħażagħ inġabru madwar l-istatwa mkissra biex jgħidu r-rużarju b’riparazzjoni għal din id-desakrazzjoni.  Ħafna minnhom reġgħu nġabru jumejn wara biex jitbierku statwi ġodda li kienu regalati mmedjatament lill-Knisja biex jitpoġġew flok dawk imkissra.
Ftit taż-żmien ilu, żagħżugħ Awstraljan li fl-2010 telaq lejn Mosul biex jistudja ħalli jsir saċerdot, kien ordnat saċerdot fil-Kattidral ta’ Sydney mill-Arċisqof ta’ Mosul li mar l-Awtralja apposta. Dakinhar il-Knisja triegħdet bit-talb u l-kant tal-folla li ħanqitha.
Issa beda fenomenu fejn ħafna nsara Sirjani u Iraqini li emigraw lejn l-Awstralja qed jingħatu ‘l uliedhom fl-iskejjel Kattoliċi. Gruppi ta’ Familji Sirjani bdew jiltaqgħu regolarment biex jitolbu flimkien u jitgħallmu l-katekiżmu.
L-Isqof isostni li hemm qawmien ġdid fost iż-żgħażagħ li huma reliġjużi ferventi.  Dan l-aħħar organizzaw quddiesa li għaliha attendew aktar minn 1000 ġuvni u tfajla.  Fi ftit ġimgħat oħra, Sydney se torganizza il-Festival taż-Żgħażagħ Kattoliċi li għalih mistennija jattendu madwar 19,000 żagħżugħ u żagħżugħa
L-universitajiet kienu strumentali biex fl-aħħar 15-il sena kien hemm 50 vokazzjoni għas-saċerdozju jew ħajja reliġjuża u issa dawn is-saċerdoti żgħażagħ mimlija ferħ u mħabba qed joħolqu interess ġdid f’numru ta’ għalliema u studenti.
L-Isqof Awżiljarju ta’ Sydney, Richard Umbers qal li l-imħabba għall-verita’ li tippriedka l-Knisja qed tagħti l-frott.  Hu saħaq fuq l-importanza fundamentali tal-Enċikliki Humanae Vitae u Veritatis Splendor li jgħinuna nkunu miftuħa għall-ħajja u ngħixu fuq regoli morali oġġettivi.  Kull qassis hu frott ta’ familja li temmen fil-ħajja u mhux minn familja li tipprattika l-kontraċezzjoni.