“Iż-żgħażagħ mhux qed jidhru prijorità” – Il-KNŻ diżappuntat bir-reshuffle

Aġġornat 05:07 PM
DOI: Pierre Sammut

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, KNŻ, jinsab iddiżappuntat dwar ir-reshuffle li ħabbar il-Gvern ftit tal-jien ilu. Fi stqarrija, iffirmata mill-President tal-KNŻ, Chiara Vassallo, ngħad kif  fl-aħħar reshuffle, iż-żgħażagħ tħallew mingħajr kuntatt speċifiku fil-Kabinett.

“Filwaqt li l-Kunsill japprezza li l-Kabinett huwa parzjalment ffurmat minn ġenerazzjoni ġdida ta’ Membri Parlamentari, dan qed jgħatti l-fatt li ż-żgħażagħ issa mhumiex qed jidhru bħala prijorità fl-ogħla istituzzjoni tal-Gvern,” sostna l-Kunsill.

Il-KNŻ qal li kien sorpriż bl-esklużjoni tas-settur taż-żgħażagħ mis-Segretarjat Parlamentari tal-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji speċjalment meta bħalissa qed tiġi ffurmata l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Għalhekk Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jitlob li l-Gvern jirranġa dan l-iżball fil-Memorandum tal-Gvern biex fih jagħti indikazzjoni ċara dwar fejn u kif se jiġi ttrattat is-settur taż-żgħażagħ.

ll-bieraħ saret iċ-ċerimonja tal-ħatra tal-Ministri l-ġodda fil-Kabinett, wara li l-Gvern ħabbar reshuffle fil-Kabinett nhar is-Sibt li għadda.

Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-President George Vella.

Fost l-uċuħ il-ġodda fil-Kabinett, hemm Miriam Dalli li nħatret Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u Clyde Caruana bħala Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol.

Iż-żgħażagħ jibqgħu l-prijorità tagħna – Il-Gvern

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji qal li huwa skorret li jingħat li ż-żgħażagħ b’xi mod tħallew barra mill-politika tal-Gvern. Din l-istqarrija kienet reazzjoni għall-istqarrija li għamel il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ iktar kmieni.

L-istqarrija tgħid li s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji huwa responsabbli miż-żgħażagħ u wara t-tibdil li sar iż-żgħażagħ se jkunu prijorità minħabba li l-ministeru huwa ffukat fuq l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja.

Żiedu li is-segretarjat parlamentari diġà kien f’kuntatt kemm mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u anke mal-Aġenzija Żgħażagħ sabiex fil-jiem li ġejjin issir laqgħa.