‘Iż-żgħażagħ jinsabu fiċ-ċentru ta’ dan il-moviment’ – Dr Joseph Muscat

Il-mexxej Laburista Dr Joseph Muscat, sostna li ż-żgħażagħ huma ċ-ċentru tal-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista.

Huwa qal li kien hemm bżonn il-kontribut taż-żgħażagħ li ma riedux jaħdmu fl-istruttura tradizzjonali ta’ partit biss. Dr Muscat qal li ż-żgħażagħ fil-Partit Laburista jinsabu fiċ-ċentru ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, u dan qed iħalli l-frott.

Dan intqal waqt attività politika fil-Gżira.

Il-mexxej Laburista ddeskriva l-iskandlu tax-xiri taż-żejt bħala ‘diżgustanti’, wara li l-gvern kien naqas li jieħu passi u jinvestiga meta kellu xi informazzjoni sentejn ilu.

Dr Muscat qal kif il-ministeru tal-finanzi kien irċieva informazzjoni, iżda flok għadda din l-informazzjoni lill-pulizija biex tinvestiga, għadda l-informazzjoni lit-taqsima ta’ kontra l-evażjoni tat-taxxa.

Muscat qal li kien għalhekk li gvern Laburista jagħti priorità biex tiddaħħal il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, u li titneħħa l-preskrizzjoni fuq każi ta’ korruzzjoni mill-politiċi.