Iż-żgħażagħ jiddiskutu d-dritt għall-vot ta’ sittax-il sena

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali Jose’ Herrere dalgħodu ltaqa’ ma numru ta' żgħażagħ waqt live-in organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Waqt id-djalogu kien diskuss id-dritt li żgħażagħ li jagħlqu s-sittax-il sena jivvuttaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu protagonisti f’din il-bidla li sejħilha storika. Herrera spjega kif din il-proposta qed tkun imbutatta l-quddiem minn numru ta’ entitajiet u anke mill-Oppozizzjoni u l-Knisja. Huwa fakkar li waqt laqgħa, l-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech ħeġġeġ ħafna biex din il-proposta tkun implimentata.

Jose’ Herrera żied jgħid li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, l-Gvern ingħata mandat li jwettaq din il-proposta u fakkar li fl-ewwel diskors tiegħu, kien qal li din il-proposta se tagħti demm ġdid lill-Kunsilli Lokali. Qal ukoll li qabel tkun implimentata l-Gvern se jibda proċess ta’ diskussjoni.

Numru ta’ żgħażagħ saqsew lis-Segretarju Parlamenari għalfejn id-dritt tal-Vot ta’ sittax-il sena se jingħata għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biss. Minn naħa tiegħu, Herrera m’eskludiex li din il-bidla tista’ twassal għal bidliet storiċi oħra.  

Intant flimkien mas-Segretarju Parlamentari kien hemm preżenti d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li minn naħa tiegħu kkwota statistika tal-ewro barometru, li turi li ż-żgħażagħ f’Malta huma fuq quddiem li jipparteċipaw fil-politika. Huwa appella biex huma jużaw mezzi bħas-social networks biex jieħdu sehem f’dan il-proċess ta’ diskussjoni. 

 

Ritratt: DOI: Saviour Cassar