Iż-żgħażagħ jappellaw għal Stat ta’ Emerġenza dwar il-Klima

Miguela Xuereb

Numru ta’ għaqdiet studenteski u taż-żgħażagħ iffirmaw appell immexxi mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) sabiex f’Malta jiġi ddikjarat Stat ta’ Emerġenza dwar il-Klima.

L-appell jgħid li l-għaqdiet kollha li ffirmaw id-dikjarazzjoni jemmnu li l-futur taż-żgħażagħ, tal-pajjiż u tad-dinja jinsab fil-periklu minħabba l-isfidi li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima. L-appell huwa indirizzat lejn il-Membri Parlamentari kollha.

L-għaqdiet talbu sabiex il-Membri Parlamentari ma jħarsux lejn kulur u diviżjoni politika, imma lejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tal-pajjiż. Qalu li jixtiequ li l-pajjiż ikun għal darboħra, eżempju għal pajjiżi oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan is-suġġett.

Id-dikkjarazzjoni ġiet iffirmata minn 32 għaqda. Dawn huma: il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, JEF Malta, The Scout Association of Malta, LGBTI+ Gozo, TDM 2000 Malta, Insite Malta, The Third Eye, Għaqda tal-Malti, Youth for the Environment, Kunsill Studenti Mcast, Malta Medical Students’ Association, SDM, Għaqda Studenti tal-Liġi, Malta Youth in Agriculture Foundation, ŻAK Malta, JCI Malta, ESO, Pulse, KSJC, KSU, MUSC, Moviment Graffitti, Malta Girl Guides, MŻPN, UĦM Youth, Forum Żgħażagħ Laburisti, ADŻ, CMTU Youth, Extinction Rebellion, GWU Youths u Down Syndrome Association.

It-tibdil fil-klima hija realtà globali – GWU Youths

Fi stqarrija, il-GWU Youths qalet li t-tibdil fil-klima hija realtà globali u għalhekk Malta għandha tingħaqad mal-kumplament tal-pajjiżi biex jinħoloq iżjed għarfien dwar l-effetti devastanti ta’ din il-problema. L-Union insistiet li wasal iż-żmien li mill-kliem immorru għall-fatti u jibdew jiġu implementati soluzzjonijiet iżjed konkreti.

L-Union qalet li qed tittama li fil-jiem li ġejjin jibdew id-diskussjonijiet fejn l-għaqdiet mhux governattivi jingħataw l-ispazju kollu meħtieġ biex iressqu l-proposti tagħhom quddiem il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, kif ukoll quddiem il-Parlament Malti.

Il-ħarsien tal-ambjent m’għandux jiġi ppolitiċizzat – FŻL

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti ħareġ jgħid li jemmen li l-ħarsien tal-ambjent m’għandux jiġi ppolitiċizzat, iżda hemm bżonn li jkun hemm forza waħda li taħdem għall-protezzjoni tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għaldaqstant ħeġġeġ lill-Oppożizzjoni sabiex tappoġġja l-emendi għall-mozzjoni dwar emerġenza kif imressqa mill-Gvern.