Iż-żgħażagħ huma l-qofol tal-ġlieda favur il-ħajja

L-Isqof Broderick Pabillo, amministratur apostoliku tad-djoċesi ta’ Manila waqt l-Omelija fil-Quddiesa għall-Mixja Favur il-Ħajja li saret fil-belt ta’ Quezon fil-Filippini fil-15 ta’ dan ix-xahar. PHOTO FROM THE DIOCESE OF CUBAO

Iż-żgħażagħ huma l-qofol tal-ġlieda favur il-ħajja għax huma se jħossu l-impatt tal-politika “kontra l-ħajja”. Hekk qal l-Isqof Broderick Pabillo fil-bidu tal-Mixja Favur il-Ħajja li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Filippini.

L-Isqof wissa’ kontra politika żbaljata li se teffettwa lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Irridu nitkellmu issa, għax la darba dawn il-liġijiet jgħaddu, ikun ferm diffiċli li jinbidlu u ħafna nies, l-aktar żgħażagħ, jintlaqtu ħażin minnhom.

Huwa appella lill-lajċi biex ikunu proattivi fejn jidħlu kwestjonijiet soċjali għax hekk jitlob il-ġid komuni.

“Din hi l-għalqa tagħkom… għalhekk għandkom titkellmu!.  Bħalissa kull wieħed u waħda minnha għandna ċans nitkellmu, partikolarment fuq il-media soċjali”.  L-Isqof qal dan fl-Omelija tal-quddiesa li saret fil-Pjazza tal-Quezon Memorial, fil-bidu tal-Mixja.

L-Amministratur Appostoliku innota wkoll il-preżenza qawwija taż-żgħażagħ għal din iċ-ċelebrazzjoni, li kienu se jieħdu sehem ukoll fil-Mixja Favur il-Ħajja.

L-Isqof qal li ż-żgħażagħ iġibu magħhom il-konvinzjoni u l-entużjażmu fil-kawħa kontra l-qtil, id-divorzju, il-piena tal-mewt, l-abort, iż-żwieġ bejn membri tal-istess sess, il-kura tal-ambjent u problemi oħra.

“Nixtieq li aktar żgħażagħ jieħdu sehem fil-Mixja għall-Ħajja, għax huma se jsofru ħafna l-impatt ta’ dawn il-kwestjonijiet li semmejt”, żied jgħid Mons. Pabillo.

Il-Mixja għall-Ħajja li ssir fil-Filippini tkun organizzata mill-Kunsill għal-Lajċi u bdiet fis-sena 2017 meta fil-pajjiż kien hemm mewġa ta’ qtil marbut mal-vizzju tad-droga.

Din is-sena, Mixjiet għall-Ħajja kienu organizzati wkoll fl-arċidjoċesi ta’ Cebu, Cagayan de Oro, Palo u Lingayen-Dagupan.

Mijiet ta’ lajċi oħra nħabru wkoll għal Mixja Favur il-ħajja fil-bliet ta’ Tarlac, Borongan, Gumaca u djoċesijiet oħra.