Iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-preżent mhux ta’ għada – Il-PM

Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-preżent u mhux ta’ għada.

Il-Prim Ministru ħa sehem fi Q&A li kien organizzat mill-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL). Din l-attività kienet organizzata biex li tfakkar is-70 sena anniversarju ta’ din il-fergħa Laburista.

Il-Prim Ministru wieġeb diversi mistoqsijiet dwar l-inklużjoni ta’ aktar żgħażagħ f’karigi importanti fil-gżejjer Maltin. Huwa appella għal kandidatura żagħżugħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Abela tkellem ukoll dwar is-settur edukattiv f’Malta u qal li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-futur aħjar u saħaq dwar l-importanza li l-istudenti Maltin u Għawdxin jibqgħu javvanzaw fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.

Huwa tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li dan huwa l-pilastru ewlieni fil-viżjoni li nieda f’Awwissu li għadda. Spjega kif il-mira li Malta tkun carbon-neutral sal-2050 hija waħda ambizzjuża u tirrikjedi bidliet u sagrifiċċji kemm mill-Gvern u anke mill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-PM tkellem ukoll dwar il-vaċċin tal-Covid-19 u qal li l-ħidma tal-Gvern bħalissa hija ffukata sabiex jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-liġi għar-rappreżentazzjoni ugwali fil-Parlament. Huwa qal kif dan il-mekkaniżmu jixhed it-twemmin tal-Partit Laburista dwar il-prinċipju tal-ugwaljanza. Kompla li huwa ma jridx li d-deputati li jitilgħu permezz ta’ dan il-mekkaniżmu jkunu tat-tieni klassi u żied li jixtieq li dan il-mekkaniżmu jitwaqqaf qabel iż-żmien stipulat.