Iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-lum mhux ta’ għada

Iż-żgħażagħ Niġerjani jinħtieġu gwida biex jiffaċċjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż

Waqt konferenza ta’ jumejn bit-tema: “Inwieġbu għall-isfida taż-żgħażagħ, il-Familja u s-Soċjetà”, l-Isqof Godfrey Onah ta’ Nsukka fin-Niġerja,  appella liż-żgħażagħ biex jirrealizzaw li huma mexxejja tal-lum u mhux ta’ għada u sfidahomm biex jipparteċipaw aktar attivament fis-servizzi tal-komunità biex in-nies jagħrfu l-kwalitajiet ta’ tmexxija tajba tagħhom.

Il-Konferenza li kienet organizzata mill-għaqda Wirt Kulturali Afrikan b’kollaborazzjoni tal-Organiżazzjoni tan-Nisa Kattoliċi tan-Niġerja, attendew għaliha aktar minn 200 żagħżugħ/a minn madwar il-pajjiż.

Skont rapport tal-aġenzija “Zenit” meta ndirizza l-konferenza, l-Isqof Paulinus Ezeokafor ta’ Awka,  fakkar lill-ġenituri u lill-edukaturi li ż-żgħażagħ għandhom bżonn persuni li fuqhom jimmudellaw ħajjithom. Hu enfasizza, b’mod partikulari l-bżonn li nkunu eżempji tajba u noffru liż-żgħażagħ il-ħajja eroika tal-qaddisin għax dawn huma sors imprezzabbli ta’ ispirazzjoni u nkoraġġiment għalihom.

Qaddisin mudell

“Uħud mill-qaddisin ħadu l-martirju għax irrifjutaw li jċedu għal avvanzi sesswali, flus, pjaċiri tad-dinja, idolatrija jew profonazzjoni. Meta taqra ħajjithom jgħinek timxi ‘l quddiem fil-vjaġġ individwali tiegħek.”

L-Isqof Onah, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jevitaw stili ta’ ħajja negattiva u qal li: “relazzjonijiet sesswali indiċebti għandhom ikunu evitati filwaqt li ż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu dawk il-valuri kulturali u komunitarji li jippromwovu x-xogħol”.

Kelliem fil-konferenza kien l-Isqof Callistus Onaga ta’ Enugu li sejjaħ lill-anzjani, partikolarment il-ġenituri biex ikunu attenti għall-esaġerazzjonijiet taż-żgħażagħ u jsemmulhom u juruhom nies oħra li bix-xogħol iebes u l-ubbidjenza għamlu suċċess fl-ambjenti rispettivi tagħhom.

Virtujiet pożittivi

“Iż-żgħażagħ għandhom ikunu jafu li kull persuna responsabbli trid timxi b’integrità u tħaddan virtujiet pożittivi biex tagħmel impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Għalhekk hu ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex ma jispiċċawx bla xogħol.

Il-President tal-Organiżazzjoni tan-Nisa Kattoliċi tan-Niġerja, innutat li “billi l-iżviluppi soċjo-ekonomiċi u politiċi qed ipoġġu ħafna sfidi quddiem iż-żgħażagħ: qgħad, drogi, vjolenza, relazzjonijiet sesswali żbaljati, lussu żejjed, abbuż mill-Internet u informazzjoni żbaljata; dawn għandhom bżonn gwida tajba biex jevitaw dawn in-nasses.”