Iż-żgħażagħ huma l-ferħ ta’ żmienna

Żgħażagħ jiżfnu żifna tradizzjonali fil-bidu ta' laqgħa mal-Papa Franġisku

Ftit wara l-wasla tiegħu f’Mozambique u wara li ltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż, il-Papa Franġisku mexxa laqgħa Inter-reliġjuża maż-żgħażagħ fil-kapitali Maputo fejn iddeskriva liż-żgħażagħ bħala “il-ferħ ta’ din l-art, il-ferħ ta’ żmienna”.

Il-laqgħa bdiet b’sensiela ta’ mistoqsijiet minż-żgħażagħ lill-Papa, fosthom: kif iż-żgħażagħ istgħu jibdlu l-ħolm tagħhom f’realtà? Kif jistgħu jgħinu fis-soluzzjoni tal-problemi ta’ pajjiżhom? Kif jistgħu jiktbu paġna ġdida fl-istorja tal-Mozambique?

Iż-żgħażagħ baqgħu sorpirżi meta qalilhom li diġa’ kienu wieġbu għad-domandi tagħhom stess meta fil-bidu tal-laqgħa esprimew ruħhom bil-wirja mużikali artistika u kulturali li taw. “F’dan kollu naraw id-diversi modi kif nistgħu nressqu d-dinja flimkien u nħarsu lejn l-orizzont “b’għajnejn mimlija tama, mimlija bil-futur u mimlija bil-ħolm”.

Rassenjazzjoni u perseveranza

Papa Franġisku qal li hemm żewġ affarijiet li joqtlu t-tama u l-ħolm – ir-rassenjazzjoni u l-ansjetà. Dawn l-attitudnijiet huma l-akbar għedewwa tal-ħajja għax jimbuttawna lejn triq faċli li ma twassal imkien.

Bħala eżempju ta’ perseveranza, il-Papa semma lill-footballer mill-Mozambique, Eusebio da Silva.  Il-passjoni tiegħu għal-logħba għenitu biex jibqa’ joħlom u jimxi ‘l quddiem… minkejja li kellu ħafna raġunijiet biex jaqta’ qalbu.

Eżempju ieħor ta’ perseveranza li semma l-Papa hi l-atleta Maria Mutola li rebħet midalja tad-deheb fl-Olimpijadi. Minkejja dawn l-unuri qatt ma nsiet mnejn bdiet jew lil niesha imma kompliet tindokra t-tfal fqar tal-Mozambique. “L-isport jgħallimna kif nipperseveraw fil-ħolm tagħna”, qal il-Papa.

Nilgħabu bħala tim

Imbagħad Papa Franġisku enfasizza dwar l-importanza li nilgħabu bħala tim. Hu rrifera għall-bixra inter-reliġjuża tal-laqgħa li kienu fiha u nnota kif dawk preżenti “ġew minn diversi tradizzjonijiet, jitkellmu lingwi differenti, iżda dan ma waqqafniex milli nkunu hawn flimkien bħala grupp”.

Il-Mexxej tal-Knisja wieġeb b’mod dirett għad-domanda taż-żgħażagħ dwar x’jistgħu jagħmlu għal pajjiżhom billi fakkarhom li dejjem għandhom jaħdmu flimkien. Hu qal li “familji u pajjiżi huma mfarrka bil-ġlied u n-nuqqas ta’ ftehim: “U l-akbar għadu hi l-gwerra”. Hawn il-Papa kkwota proverbju li jgħid: “Jekk trid tasal x’imkien malajr, mur waħdek. Jekk trid tmur ‘l bogħod imxi mal-oħrajn”.

Il-ġenerazzjonijiet tal-anzjani “għandhom ħafna x’jgħidulkom u x’joffrulkom għax huma l-għeruq tagħha. L-Anzjani jistgħu jgħinu biex il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħkom ma jieqfux u jfallu mal-ewwel diffikulta li tiltaqgħu magħha”. Għalhekk hu mportanti li nisimgħu u napprezzaw “lil dawk li marru qabilna”.

Dirgħajn miftuħa

Il-Papa Franġisku kif ħafna miż-żgħażagħ preżenti twieldu fi żmien ta’ paċi. Hu nkoraġġihom biex ikunu parti mill-proċess ta’ paċi u fetaħ diragħajh biex jenfasizza l-importanza li “nikbru fi ħbiberija ma’ dawk li jaħsbuha b’mod differenti minnha. Din hi l-aqwa arma biex nibdlu l-mixja tal-istorja”.

Id-dirgħajn miftuħa jfakkruna wkoll fil-bżonn li nieħdu ħsieb il-pjaneta, żied jgħid il-Papa qabel ma fakkar fid-diżastu ekoloġiku li piebu magħhom iċ-ċikluni Idai u Kenneth, aktar kmieni din is-sena u ħallew imwiet u ħsara.

“Ħafna żgħażagħ diġà laqgħu l-isfida li jipproteġu d-Dar Komuni tagħna. Din hi ħolma sabiħa li għandna nikkultivaw flimkien bħala familja u bħala sfida li tista’ żżommna magħqudin”.

L-imħabba sempliċi u siekta ta’ Alla

Il-Papa Franġisku kkonkluda din il-laqgħa tiegħu maż-żgħażagħ tal-Mozambique billi fakkarhom fl-“imħabba sempliċi u siekta ta’ Alla” għal kull wieħed u waħda minnhom. Ippruvaw ieqfu għal ftit sekondi u ħallu lilkom infuskom tħossu l-imħabba Tiegħu. Ippruvaw sikktu l-ħsejjes interni kollha u strieħu ftit fit-tgħannieqa ta’ mħabba Tiegħu”, stieden il-Papa lil dawk preżenti.

“Naf li intom temmnu f’din l-imħabba li tagħmel ir-rikonċiljazzjoni possibbli. U għax temmnu f’din l-imħabba, jien ċert li inthom fiduċjużi u se timxu bil-ferħ fit-toroq tal-paċi”, temm jgħid il-Kap tal-Knisja Kattolika.