Iż-żgħażagħ huma art fertili li Alla jagħti lill-komunitajiet

Żgħażagħ minn ħames kontinenti jakkumpanjaw lill-Papa waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama

Għall-Papa Franġisku, iż-żgħażagħ  huma art fertili u ġdida li Alla jagħti lill-komunitajiet insara bix jaħdmu fiha.

Il-Papa esprima din il-fehma f’messaġġ li bagħat lill-parteċipanti tal-20 laqgħa tal-Ministeru taż-Żgħażagħ tal-Amerika Latina li saret f’Lima, il-Peru bit-tema: “Aħna ż-Żgħażagħ art Qaddisa: l-Issa ta’ Alla”.

Nakkumpanjaw liż-żgħażagħ

Fil-messaġġ li bagħat lil Mons. Alfredo Vizcarra Mora, Vigarju Apostoliku ta’ Jean u President tal-Kummissjoni Episkopali għal-Lajċi u Żgħażagħ, il-Papa Franġisku tkellem dwar il-ħidma ta’ dawk li huma responsabbli għall-ministeru pastorali taż-żgħażagħ u ddeskrivih bħala “servizz li ma jistax ikun traskurat”.

“Iż-żgħażagħ jagħmluna konxji tad-dwal u d-dellijiet tal-komunitajiet tagħna u bl-entusjażmu tagħhom jinkoraġġuna biex nagħtu tweġibiet li jimxu ma’ żminijietna”.

Għalhekk il-Papa fakkar lil dawk li huma responsabbli mill-ministeru taż-żgħżagħ li huma ġew fdati bil-missjoni li jakkumpanjaw liż-żgħażagħ “b’rispett u ħlewwa fil-vjaġġ tal-maturità personali tagħhom biex jikbru fil-fidi u bil-grazzja t’Alla jagħtu l-fortt tal-imħabba u t-tama”.

L-Issa t’Alla

Barra minn dan, il-Papa Franġisku qal li fl-Amerika – il-Kontinent tat-Tama – bħal fil-bqija tad-dinja, “iż-żgħażagħ huma l-‘Issa ta’ Alla’ għax Ibnu Ġesù li hu l-manifestazzjoni tat-tjubija Tiegħu, jimxi u jgħix magħhom u permezz Tiegħu, il-Missier ikompli jkellimhom bil-lingwa tiegħu tal-imħabba”.

Fl-aħħarnett il-Qdusija Tiegħu għamel stedina għal aktar riflessjoni fuq il-persuna ta’ Ġesù “biex filwaqt li jgħixu fl-intimità ta’ Qalbu, iż-żgħażagħ jinbidlu f’dixxipli missjunarji u jduqu l-imħabba Tiegħu filwaqt li żgħażagħ oħra jkunu kapaċi jersqu lejH, iż-żagħżugħ etern, jesperjenzaw ilo-ferħ tal-ħbiberija Tiegħu u jgħixu ħajja bażata fuq il-fraternità  u s-solidarjetà Kristjana”.