“Iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu qrib Kristu u jkunu protagonisti tal-bidla”

Iż-żgħażagħ Ċileni għandhom ikunu protagonist tal-bidla f’pajjiżhom u fil-Knisja billi jibqgħu qrib Kristu u jagħmlu dak li kien jagħmel Hu kieku kien flokhom.
Ilbieraħ il-Papa ltaqa’ maż-żgħażagħ fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Karmnu u qalilhom li xtaqhom jgħinu lill-Knisja “tkun aktar fidila lejn il-Vanġelu u jersqu aktar lejn Kristu.
Il-Papa uża l-analoġija tat-telefown ċellulari u qal li meta dan ikollu l-batterija baxxa jitlef il-konnessjoni mal-internet u sostna li aħna wkoll għandna nibqgħu magħquda ma’ Kristu meta tibda tonqosna l-fidi. “Jekk ma nkunux ikkonnettjati ma’ Alla, nispiċċaw nagħrrqu l-ħsibijiet, l-ideat, il-ħolm u l-fidi tagħna u nispiċċaw frustrati u mfixkla u qlubna jibdew ibattu. Iżda qatt ma għandna naħsbu  li ma għandna xejn x’noffru jew li ħadd ma jagħti każna. Hu x-xitan li jġiegħlna naħsbu li ma ninsew għal xejn”.
Hu fakkar li d-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista imxew wara Ġesu’ għax riedu jkunu l-konnessjoni tiegħu biex tgħinhom iżommu l-fjamma tixgħel f’qalbhom. Riedu jkunu jafu kif jiċċarġjaw iċ-ċelluli ta’ qalbhom. Kienu qed ifittxu l-password biex jaqbdu ma dak li Hu “l-unika triq, il-verita’ u l-ħajja”.
Bħala password il-Papa ssuġerixxa liż-żgħażagħ il-kliem ta’ San Hurtado “X’kien jagħmel Kristu minfloki?” Din id-domanda jistgħu jagħmluha lilhom infushom fl-iskola, l-universita’, fit-triq, fid-dar, mal-ħbieb, fuq il-post tax-xogħol jew meta jkunu mħassba. “Hu l-password, il-kurrent li jiċċarġja qlubna, jixgħel il-fjamma tal-fidi u jagħmel għanjejna jibbru. U l-uniku mod biex ma ninsewx il-password hi billi nużawha spiss.  Jiġi żmien, meta bla ma nirrealiżżaw, qalbna tħabbat bħall-qalb ta’ Ġesu’ u tgħix kif għex Hu”.
Il-Papa semma diversi mudelli Evanġeliċi li ż-żgħażagħ jistgħu jsegwu. Ħeġġiġhom ikunu Sammaritani żgħażagħ li ma jibqgħux għaddejjin meta jaraw lil xi ħadd mitluq fit-triq. Qalilhom ikunu Xmun minn Ċirene li għen lil Kristu jġorr is-salib u jgħinu biex itaffu t-tbatija ta’ ħuthom. Ikunu bħal Żakkew li bidel ħajtu minn waħda materjalista għal waħda ta’ solidarjeta’. Ħeġġiġhom ikunu bħal Marija Maddalena li fi Kristu biss sabet it-tweġibiet li kellha bżonn. Ikollhom il-qalb ta’ Pietru biex ikunu jistgħu iħallu x-xbieki tagħhom fuq ix-xatt. Ikollhom l-imħabba ta’ Ġwanni biex ikunu jistgħu jserrqu t-tħassib tagħhom fi Kristu.  U jkunu miftuħa bħal Marija biex ikunu jistgħu jkantaw bil-ferħ u jagħmlu r-rieda t’Alla.
Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku reġa’ fakkar liż-żgħażagħ quddiemu biex ma jinsewx il-password.