Iż-żgħażagħ fl-agrikoltura jridu lill-Gvern jieqaf jittollera li tinqered art agrikola

Moviment Graffitti

Read in English.

Il-Malta Youth in Agriculture (MaYA) esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-pjanijiet li jiġu sagrifikati 20 tomna ta’ raba’ maħdum sabiex issir flyover fl-Imrieħel. Iż-żgħażagħ appellaw lill-Gvern biex ma jibqax jissagrifika l-art agrikola.

Fi stqarrija, l-NGO wriet it-tħassib tagħha mhux fuq dan il-proġett biss, imma fuq l-effetti usa’ tal-qerda tal-art agrikola biex jinbnew aktar toroq. Filwaqt li rrikonoxxiet li jeħtieġ li t-toroq ikunu siguri, MaYA wriet ċertezza li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jinstabu jekk jiġu konsultati l-partijiet kollha interessati.

MaYA laqgħet b’sodisfazzjon dak li qalu l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u l-MEP Alfred Sant fuq is-suġġett. Iż-żewġ persuni leħħnu r-riservi tagħhom fuq dan il-proġett, u kif se jaffettwa lill-bdiewa Qormin.

L-NGO qalet li dan il-każ iqajjem kwistjonijiet li jaffaċċjaw il-bdiewa. Sostniet li l-bdiewa dejjem jaffaċċjaw theddid, għax proġetti bħal dawn, li jsiru b’mod kostanti, jistgħu jtellfuhom l-għajxien tagħhom. Apparti hekk, l-NGO qalet li għadhom iridu joħorġu r-riperkussjonijiet ta’ każ kostituzzjonali riċenti marbut mal-kiri ta’ art agrikola.

X’qalet il-President Emeritu?
“Kemm se jdum ilaqqat Ħal Qormi?”

Twissija fuq l-impatt fuq il-fondi tal-UE

L-għaqda semmiet kif, skont l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, l-agrikoltura tibqa’ l-aktar settur li juża l-art f’Malta, billi tkopri 51% tal-art, u hi l-unika sors ta’ ħdura li hawn fil-pajjiż. Ġie osservat ukoll li kulma jmur, jiżdiedu l-permessi għall-bini f’artijiet barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).

Spjegat li filwaqt li l-pubbliku forsi sar aktar konxju tal-importanza ta’ spazji miftuħa, jeħtieġ li titqajjem iżjed kuxjenza fuq is-sigurtà tal-ikel, l-għajxien ta’ komunitajiet rurali u t-tradizzjonijiet.

MaYA kellha twissija dwar l-impatt potenzjali fuq il-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-agrikoltura, u qalet li dawn il-fondi jiddependu minn strateġija ċara min-naħa tal-Gvern u fuq l-approvazzjoni tal-Pjanijiet Rurali għall-Iżvilupp.

Għaldaqstant, l-għaqda insistiet li l-Gvern m’għandux jibqa’ jittollera li tintilef l-art agrikola, partikolarment wara li proġetti bħal tas-Central Link u tal-inċineraturi fil-Magħtab ħadu ħafna art. MaYA żiedet li l-ippjanar rurali u urban jirrikjedi pjanijiet fit-tul, u mhux ibbażati fuq il-leġiżlatura tal-Gvern għal ħames snin biss.