​Iż-żewġ studenti għal avukati ma kellhomx kondotta tajba – Il-Kamra tal-Avukati

Il-Kamra tal-Avukati qalet li ż-żewġ studenti li kienu qed japplikaw biex isiru avukati m’għandhomx jiġi kkunsidrati bħala persuni ta’ kondotta u morali tajbin.
Fi stqarrija maħruġa llum, il-Kamra tal-avukati qalet li fid-dawl ta' dak li qalet l-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati u tal-Imħallfin u n-numru ta’ artikli li deheru fil-midja, il-Kamra qalet li tħossha obbligata li tiċċara s-sitwazzjoni. Dan minħabba dak li sejħet bħala numru ta’ affarijiet li ħarġu bl-intenzjoni li l-pubbliku jiġi distratt u ineżattezzi oħrajn li ntqalu.
Il-kwistjoni nqalgħet wara li ħareġ fil-pubbliku li Yanica Barbara u Thomas Sant, żewġ studenti li kienu qed japplikaw biex iġibu liċenzja ta’ avukat, kienu ħatja li wettqu reati kriminali.
Is-sit tal-qorti jippermetti li wieħed ifittex s-sentenzi li jkunu fid-database tal-Qorti. Meta wieħed jipprova jfittex għas-sentenza ta’ Yanica Barbara, ma jidhrux riżultati. Dik ta’ Thomas Sant kienet għadha aċċessbbili onlajn sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu.
Skont it-Times of Malta, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li wara talba li saret minn Yanica Barbara, is-sentenza tagħha tneħħiet mis-sit tal-Qorti. Bonnici ġie kkwotat li qal li mhemmx kriterji stabbiliti dwar din il-prassi.
Fl-istqarrija tagħha l-Kamra qalet li bagħtet żewġ ittri lill-Prim Imħallef fit-8 ta’ Jannar, ittra dwar kull student biex jispjegaw is-sitwazzjoni. Intqal li l-Prim Imħallef intalab juri l-ittri lil bord ta’ imħallfin li kienu ġew assenjati biex jeżaminaw liż-żewġ kandidati waqt il-proċess biex jiksbu l-liċenzja. Dawn l-ittri waslu għand il-bord.
Il-Kamra qalet li l-imħallfin iddikjaraw li ż-żewġ kandidati laħqu l-kriterji legali li jgħidu li biex wieħed jingħata l-liċenzja biex jipprattika l-liġi, wieħed irid ikun persuna ta’ kondotta u morali tajbin.
Il-Kamra qalet li l-liġi ma tirreferix għal kundanni kriminali jew kondotti tal-Pulizija nodfa.
Il-Kamra qalet li l-messaġġ tal-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati u tal-Imħallfin hija li persuni li ammettew li kienu serqu u ffaslifikaw dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni ta’ kondotta u morali tajbin.
Il-Kamra tal-Avukati stqarret li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni u talbet biex l-istess Assoċjazzjoni tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar il-każ.
Il-Kamra qalet li għalkemm iċ-ċertifikat tal-kondotta li ż-żewġ kandidati ppreżentaw kienet waħda “nadifa”, dan ma jfissirx li r-reat kriminali ma jkunx seħħ.