Iż-żewġ Papiet se jsiru Qaddisin f’April tal-2014

Il-Papa Franġisku qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II se jiġi ddikkjarat qaddis fis-27 ta’ April tas-sena d-dieħla.

Għalkemm id-data għad trid tiġi kkonfermata mill-Konċistorju tal-Vatikan, li se jiltaqa’ aktar tard dan ix-xahar, il-Papa Franġisku waqt udjenza privata indika li l-Beatu Ġwanni Pawlu II se jsir qaddis fi żmien seba’ xhur oħra.

Preżenti għal din l-udjenza kien hemm ukoll l-Arċisqof Georg Ganswein, li se jkun parzjalment responsabbli mill-organizazzjoni taċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni.

Huwa mistenni li fl-istess data jiġi kanonizzat ukoll il-Papa Ġwanni XXIII.

Fis-27 ta’ April tal-2014, il-Knisja Kattolika madwar id-dinja se tkun qed tiċċelebra l-Ħadd tal-Ħniena Divina.

Ix-xahar li għadda, meta kien fuq l-ajruplan fi triqtu lejn il-Brażil għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa Franġisku kien diġà stqarr mal-ġurnalisti li l-kanonizzazzjoni taż-żewġ Papiet mhux se ssir fl-aħħar xhur ta’ din is-sena iżda fl-ewwel xhur tal-2014.