Aġġornata(2): Il-Gvernijiet rivali fil-Libja jridu aktar żmien għal Gvern magħqud

Il-President tal-Kunsill Nazzjonali Ġenerali Libjan Nouri Abusahmain u l-President tal-Parlament f’Tobruk Aguila Saleh Issa ddikjaraw li mhux se jiffirmaw il-ftehim li ġie nnegozjat man-Nazzjonijiet Magħquda.
Din id-dikjarazzjoni waslet waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Kastilja fit-tmiem ta’ laqgħa importanti li saret f’Malta bejn ir-rappreżentanti taż-żewġ Gvernijiet rivali fil-Libja.
Abusahmain qal li bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, il-poplu Libjan huwa kapaċi li jsolvi l-problemi interni u mhux se jaċċetta xi intervent barrani li jmur kontra r-rieda tal-poplu Libjan.
Min-naħa tiegħu, Saleh Issa appella lill-komunità internazzjonali sabiex tirrikonoxxi l-progess wara l-laqgħa tal-lum u biex jingħata iżjed żmien sabiex iż-żewġ naħat jaqblu li jkun Gvern magħqud Libjan.
Huma qabli li jibdew jiffurmaw kumitati ta’ ħidma biex jissokta d-djalogu li għandu jwassal biex fil-Libja jkun hemm Gvern wieħed.
Aktar kmieni f’Kastilja, iż-żewġ rappreżentanti Libjani ħadu b’idejn xulxin fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Jumejn ilu f’Ruma fl-Italja, iż-żewġ mexxejja tal-Gvernijiet rivali kienu qablu li jagħtu żmien sa għada biex jilħqu ftehim importanti.
Gvern magħqud Libjan huwa meħtieġ għas-sigurtà fil-pajjiż iżda wkoll sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tiddiskuti l-possibilità ta’ ħidma aktar qrib il-kosta Libjana kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda li kien ippubblikat ix-xahar li għadda kien irrimarka kif il-ġiħadisti tal-Istat Iżlamiku qed isibu art fertili għall-estremiżmu fil-Libja minħabba n-nuqqas ta’ Gvern wieħed magħqud li jsaħħaħ l-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo