Iż-żewġ Korej b’ħin wieħed; Trump jagħti x’jifhem li kollox lest għal-laqgħa ma’ Jong-un

Pass pass, imma kollox jidher li miexi lejn id-direzzjoni tal-paċi bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel, hekk kif ilbieraħ fil-11pm, tal-ewwel mexxew l-arloġġ b’nofs siegħa ’l quddiem biex jiġi jaqbel ma’ tat-tieni. Fl-istess jum il-President Amerikan ħabbar post u żmien għas-summit ma’ Kim Jong-un.
Il-midja tal-Korea ta’ Fuq qed tirrapporta li dan l-att simboliku huwa wieħed mill-ewwel passi biex ikun hemm unifikazzjoni fil-peniżola Koreana.
Dawn it-30 minuta kienu tressqu lura mill-Korea ta’ Fuq fl-2015, bi tweġiba għall-“imperjalisti Ġappuniżi”, kif kienet iddeskriviethom dak iż-żmien. U dan għax meta l-peniżola Koreana kienet taħt it-tmexxija tal-impru Ġappuniż, il-ħin kien tmexxa biex jaqbel ma’ dak ta’ Tokyo.
Il-Korea t’Isfel kienet diġà wettqet dil-mossa fil-Ħamsinijiet, iżda reġgħet lura fuq passiha fis-Sittinijiet.
Sadanittant, ilbieraħ il-President tal-Istati Uniti qal li diġà ddeċidew post u data għal-laqgħa mal-Mexxe tal-Korea ta’ Fuq, iżda l-White House ħarġet stqarrija u qalet biss li l-laqgħa se ssir fil-ġimgħat li ġejjin.
Jidher li din hi tattika komuni ta’ Trump, li jħobb jibni ċerta ansjetà fil-pubbliku għal-laqgħat importanti billi ma jkunx ċar mill-ewwel dwar il-partikularitajiet.
Qabel Jong-un, Trump se jiltaqa’ mal-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, il-White House fit-22 ta’ dan. Il-laqgħa se sservi biex tintwera għaqda bejn iż-żewġ pajjiżi qabel il-laqgħa mat-tielet parteċipant, il-Korea ta’ Fuq.
Il-ġimgħa l-oħra ltaqgħu fis-summit storiku ż-żewġ Korej, fejn intlaħaq ftehim li tintemm it-theddida nukleari fil-peniżola.  Qablu wkoll li l-armistizju miftiehem fl-1953, li ġab tmiem għall-gwerra Koreana, jinbidel u jsir trattat ta’ paċi aktar tard dis-sena.
Sadanittant, waqt konferenza tal-aħbarijiet, Trumo irrimarka li issa se joqgħod ftit aktar kwiet minn kummenti rettoriċi li hu famuż għalihom, ħalli l-affarijiet jikkalmaw u jipprepara ruħu.