Aġġornata: Iż-żewġ inċidenti tal-bendy buses mhumiex relatati – Arriva

Arriva Malta qalet li ż-żewġ inċidenti tal-bendy buses mhux relatati ma’ xulxin. Fi stqarrija b’reazzjoni għall-inċidenti riċenti li fihom kienu nvoluti żewġ bendy buses tal-Arriva, il-kumpanija nsistiet li l-vetturi huma siguri u li s-siġurtà tal-passiġġieri hija prijorità għall-kumpanija.  

“Minkejja li l-inċidenti jidhru serji ferm, il-passiġġieri qatt ma kienu f’riskju”, saħħqet il-kumpanija.

L-isqarrija tgħid li l-kumpanija tagħmel spezzjonijiet u testijiet kollha neċessarji fuq il-vetturi kollha tagħha. Qalet li ż-żewġ bendy buses li kienu nvoluti fl-inċidenti, it-tnejn kienu għaddew mit-testijiet tal-VRT f’Ġunju li għadda.  

Sadanittant, Arriva se tkun qed tagħmel spezzjoni sħiħa fuq il-flotta tagħha bħala prewkazzjoni filwaqt li kkonsultat ma’ Transport Malta dwar dawn l-istess inċidenti.

Intant, sa issa, il-kumpanija mhix teskludi li dawn in-nirien tqabbdu apposta. 

Il-Laqgħa bejn Arriva u l-GWU

L-Arriva se tkun qed tagħmel investigazzjoni indipendenti dwar is-sigurtà tal-ħaddiema u l-passiġġiera fuq l-Arriva.

Matul il-laqgħa bejn il-GWU u l-Arriva, ġie mħabbar ukoll li se ssir investigazzjoni minn Transport Malta.