“Iż-żejjed kollu żejjed” – Moviment Graffitti bi protesta nazzjonali

Miguela Xuereb

Il-Moviment Graffitti ħareġ sejħa lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-pubbliku biex jingħaqdu għal protesta nazzjonali kontra l-iżivilupp li qed ikollu impatt negattiv fuq in-nies u l-ambjent.

Bl-isem ta’ “Iż-Żejjed Kollu Żejjed: Kulħadd għall-Belt”, il-protesta hi ppjanata għas-7 ta’ Settembru bl-għan li residenti, bdiewa, studenti u għaqdiet li huma mxebbgħin bil-bini żejjed u bl-addoċċ jingħaqdu u jsemmgħu leħenhom kontra dak li huma qed isejjħu l-ġenn li ħakem Malta.

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti sostna li flimkien għandhom s-saħħa biex din is-sitwazzjoni tiġi mibdula. Il-Moviment Graffitti saħaq li flimkien huma jistgħu jiġġieldu l-poter tal-ftit li qed jaraw lil Malta sempliċiment bħala roqgħa art biex jistagħnew biha.

Moviment Graffitti has called on the public and organisations to come together for a national protest against government developments impacting people and the environment.

12-il għaqda mhux governattiva sostnew li t-talbiet li fuqhom qed tissejjaħ il-protesta qed jiġu rispettati mill-maġġoranza ta’ dawk involuti, iżda hemm ftit li mhumiex. Huma talbu għal iktar trasparenza minn gruppi bħall-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżiviluppaturi u li membri fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jiġu eletti b’mod iktar ġust.

L-għaqdiet li diġà ddikkjaraw il-parteċipazzjoni tagħhom huma l-Moviment Graffitti, Kamp Emerġenza Ambjent, Futur Ambjent Wieħed, Din l-Art Ħelwa, BirdLife Malta, Greenhouse, Friends of the Earth Malta, Ramblers Association, Nature Trust Malta, Attard Residents Environmental Network, The Archaeological Society Malta u Isles of the Left.

Il-Moviment Graffitti saħaq li gruppi b’affiljazzjoni ma’ partiti politiċi mhux se jiġu aċċettati.

It-talbiet ta’ din il-protesta huma:

1) Policies

Ħafna mill-policies tal-ippjanar huma mfassla fuq l-interessi tal-ftit minflok fuq il-ġid komuni u l-ħarsien ambjentali. B’konsegwenza ta’ dan, pajjiżna spiċċa assedjat minn żvilupp li ma jagħmilx sens u li qed jeqred l-ambjent naturali u jgħarraq il-kwalità ta’ ħajjitna b’ritmu allarmanti.

Irridu bidla radikali fil-policies tal-ippjanar sabiex dawn jibdew iħarsu l-interessi tal-ħafna, inkluż tal-ġenerazzjonijiet futuri, minflok il-qligħ tal-ftit. Fost oħrajn, għandhom jinbidlu d-diversi policies li qed jippermettu bini sfrenat f’ODZ fil-forma ta’ vilel, pompi tal-petrol jew lukandi, u l-policy dwar il-high-rise li tippermetti bini għoli żżejjed f’diversi partijiet ta’ Malta, mingħajr ebda pjan u kunsiderazzjoni tal-impatti li dan qed iħalli.

2) L-Awtoritajiet Responsabbli mill-Ambjent u l-Ippjanar

L-awtoritajiet responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar f’pajjiżna huma mmexxija b’nuqqas ta’ trasparenza, responsabbiltà u indipendenza. Jidher biċ-ċar li ħafna mid-deċiżjonijiet li jieħdu dawn l-awtoritajiet – deċiżjonijiet li għandhom impatt dirett u qawwi fuqna lkoll – ikunu ġew meħuda diġà minn wara l-kwinti. Mhuwiex aċċettabbli li ċertu gruppi li għandhom saħħa ekonomika u/jew politika jitħallew iħarbtu l-ħajjiet u l-ambjent tagħna billi jiġbdu l-ispag ta’ dawn l-awtoritajiet għall-interessi tagħhom.

Nitolbu bidliet profondi fil-kompożizzjoni tal-bordijiet, fil-ħatra tal-membri tagħhom u fit-tmexxija tagħhom. Ewlenin fost dawn, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-bordijiet li jaqgħu taħtha (pereżempju, il-Planning Commission u l-Planning Board) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), kif ukoll il-Building Regulations Office (BRO) li sar sukkursali tal-MDA. Ix-xogħol u d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-entitajiet għandhom ikunu ħielsa minn interessi kummerċjali u politiċi; irridu awtoritajiet demokratiċi li verament jiddeċiedu fl-interess ta’ pajjiżna.

3) Proġetti Kbar

Komunitajiet madwar Malta u Għawdex spiċċaw assedjati minn proposti għal żvilupp massiċċi li ma jirrispettawx lir-residenti u l-ambjent. Dawn il-proġetti l-kbar qed ikollhom impatt devastanti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna għaliex iwasslu għal żieda qawwija fil-konġestjoni, fit-tniġġis u fl-istorbju, u jixorbu l-arja, id-dawl u l-ispazji ta’ fejn ngħixu. Il-proliferazzjoni ta’ proġetti enormi, bħal ma huwa l-proġett tad-dB fis-sit tal-ITS, qed issir fin-nuqqas ta’ pjan olistiku u evalwazzjoni tal-impatt kumulattiv li dawn it-torrijiet u ċ-ċapep ta’ bini se jkollhom fuq in-nies u l-ambjent naturali.

Nitolbu li dawn il-proġetti kbar ħafna jieqfu sakemm ikun daħal fis-seħħ pjan serju għall-iżvilupp f’pajjiżna li jiżgura li dawn it-tip ta’ proġetti jirrispettaw lill-komunitajiet u jkunu sostenibbli.

4) Regolamentazzjoni tal-Kostruzzjoni

Trabijiet, perikli, ħsejjes qawwija, bankini mkissra, rimi ta’ skart illegali – din hija r-realtà li eluf ta’ persuni f’pajjiżna qed jiffaċċjaw ta’ kuljum minħabba nuqqas ta’ kontroll fuq is-settur tal-bini. Fi ftit xhur rajna binja wara l-oħra tiġġarraf u l-mewt ta’ bosta ħaddiema f’siti tal-kostruzzjoni. Ir-risposta għal dan kollu kienet kompletament inadegwata. Ir-residenti għadhom iġorru r-responsabbiltà, il-piż psikoloġiku u dak finanzjarju (kif ukoll problemi ta’ saħħa) biex jiżguraw li mhux se jispiċċaw midfuna ħajjin minħabba x-xogħol li qed isir biswit id-dar tagħhom. Din hija sitwazzjoni ridikola u inaċċettabbli, l-istess bħan-nuqqas sistematiku u persisenti ta’ infurzar.

Irridu sistema li biha l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet ikunu verament responsabbli mix-xogħol li jsir f’siti tal-kostruzzjoni sabiex jiġi żgurat li dan ma jipperikolax u ma jħarbatx il-ħajja tan-nies. Dan jista’ jsir biss jekk l-awtoritajiet ma jagħtux iktar permessi bl-addoċċ u jillimitaw in-numru ta’ permessi li jinħarġu kull sena. Għandu wkoll isir infurzar bis-serjetà u mingħajr eċċezzjoni tal-liġijiet li jikkontrollaw il-kostruzzjoni, sabiex tingħata protezzjoni u dinjità lill-ħaddiema u lir-residenti.

5) Toroq u Trasport

Pajjiżna inħakem minn ferneżija ta’ qtugħ ta’ siġar u qerda ta’ art agrikola f’isem it-twessigħ jew il-bini ta’ toroq ġodda. Jgħidulna li dawn suppost ser inaqqsu t-traffiku u d-distanzi tal-ivvjaġġar; iżda l-istudji minn madwar id-dinja kollha juru li l-bini u t-twessigħ ta’ toroq ma jindirizzawx il-problema tat-traffiku. L-istudji tal-awtoritajiet Maltin stess jgħidu biċ-ċar li ebda triq ġdida mhu se ssalva lil pajjiżna minn blokk totali tat-traffiku jekk mhux se ssir bidla għal mezzi ta’ trasport alternattivi mill-karozzi privati. Minkejja dawn l-istudji, f’pajjiżna hawn nuqqas ta’ investiment serju f’dawn l-alternattivi, bħal trasport pubbliku effiċjenti u infrastruttura għaċ-ċiklisti. Dan kollu filwaqt li qed jintefqu miljuni kbar f’toroq ġodda li mhu se jsolvu xejn.

“Irridu li l-Gvern jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li jinbnew u jitwessgħu toroq li ħa jeqirdu ammont skandaluż ta’ siġar u art agrikola. Minflok, il-Gvern għandu joħloq u jimplimenta strateġija li verament tindirizza l-problema tat-traffiku u tat-tniggiż u li din tkun tinkludi investiment serju f’mezzi ta’ trasport alternattiv,” temm jgħid il-Moviment Graffitti.