Iż-żebgħa għaċ-ċiklisi f’Tal-Balal hi reżistenti għaż-żlieq – Infrastructure Malta

Facebook - BAG

Read in English.

Infrastructure Malta qalet li ż-żebgħa ħadra li ntużat għaċ-ċiklisti f’Tal-Balal hija skont standards internazzjonali u li hi reżistenti għaż-żlieq. Mill-banda l-oħra l-Bicycle Advocacy Group (BAG) kien qal li ż-żebgħa hija perikoluża u li tista’ twassal għal inċidenti fatali.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Infrastructure Malta qal li ż-żebgħa ħadra li ntużat biex saru x-shared priority cycle lanes fi Triq tal-Balal hija skont standards internazzjonali u li tintuża f’pajjiżi oħrajn.

“Din it-tip ta’ żebgħa hija reżistenti għaż-żlieq anke f’każ li jkun hemm tixrid ta’ fuel fit-triq, tant li tintuża wkoll għal passaġġi, parkeġġi, rampi, pontijiet pedonali, u saħansitra f’ajruporti, baċiri u fabbriki fost oħrajn.”

“Minn din it-triq ta’ madwar 1.8 kilometri jgħaddu aktar minn 2,100 karozza fis-siegħa fil-ħinijiet ta’ filgħodu u tard waranofsinhar (rush hours). B’dan il-proġett, biex it-triq twessgħet minn tnejn għal erba’ korsiji, il-ħin tal-ivjaġġar mistenni jonqos b’bejn 30% u 40%, u jkun hemm kwalità tal-arja aħjar permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet.“

Uħud mill-korsiji ġodda li nbnew f’din it-triq se jkunu użati bħala shared priority cycle lanes għaċ-ċiklisti.

Skont il-kelliem, meta Infrastructure Malta applikat għall-permess biex twettaq il-proġett fi Triq tal-Balal, il-pjanti li ssottomettiet flimkien mal-applikazzjoni kienu jinkludu d-disinn ta’ kif qed isiru x-shared priority cycle lanes ġodda f’dan il-proġett. Meta dawn id-disinji kienu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-proċess tal-permessi, ebda individwi jew organizzazzjoni  ma oġġezzjonaw għalihom jew issuġġerew alternattivi sostenibbli għalihom.

Infrastructure Malta qalet li qed taħdem bi sħiħ biex kull fejn huwa teknikament u fiżikament possibbli b’mod sikur, tinkludi faċilitajiet aktar aċċessibbli għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew b’mezzi oħra alternattivi tal-ivjaġġar.

Fuq Facebook, il-BAG kienet appellat liċ-ċiklisti biex ma jużawx il-karreġġjati mgħamula minn Infrastructure Malta f’Tal-Balal f’San Ġwann. Qalet li l-karreġġjati ma jilħqux l-istandards kif suppost. “Żebgħa ħadra mhix alternattiva għal infrastruttura għaċ-ċiklisti, speċjalment f’junċtion tant traffikuża. Apparti mill-konfużjoni għas-sewwieq tal-karozzi, diżinn bħal dan iżid il-periklu għaċ-ċiklisti,” qalet il-BAG.

Żebgħa li toqtol f’San Ġwann – ċiklisti